Donatello
Donatello | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Donato di Niccolò di Betto Bardi |
Twelid | Firenze, 1386 |
Nazzjonalità | Repubblika ta' Firenze |
Grupp etniku | Taljani |
Mewt | Firenze, 13 Diċembru 1466 (Gregorian) |
Post tad-dfin | Basilica of San Lorenzo (en) |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Taljan |
Għalliema |
Bicci di Lorenzo (mul) Giovanni d'Ambrogio (mul) |
Studenti |
uri |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
skultur pittur |
Post tax-xogħol |
Firenze Padova Ruma Ferrara Lucca Mantova Modena Napli Pisa Prato Siena |
Impjegaturi | Lorenzo Ghiberti (mul) (1400s - |
Xogħlijiet importanti |
Tomb of Giovanni Pecci (en) Candelabra Angels (en) David (en) Donatello's Crucifix of Santa Croce (en) Zuccone (en) |
Moviment | Rinaxximent Bikri |
Moviment artistiku |
arti reliġjuża ritratt ekwestri ritratt pittura mitoloġika |
Donato di Niccolò di Betto Bardi (twieled għall-ħabta tal-1386 – miet fit-13 ta' Diċembru 1466), magħruf aħjar bħala Donatello (pronunzja: [donaˈtɛllo])[1], kien skultur minn Firenze tal-perjodu Rinaxximentali.[2] Imwieled f'Firenze, huwa studja l-iskultura klassika u użaha biex jiżviluppa stil Rinaxximentali komplut fl-iskultura. Huwa qatta' żmien fi bliet oħra, u meta kien fihom huwa ħadem fuq kummissjonijiet u għallem lill-oħrajn; il-perjodi li qatta' f'Ruma, f'Padova u fi Siena introduċew it-tekniki tiegħu f'partijiet oħra tal-Italja, li ġew żviluppati matul karriera twila u produttiva. Iffinanzjat minn Cosimo de' Medici, id-David ta' Donatello kien l-ewwel skultura wieqfa ta' raġel għerwien mill-antikità.
Huwa ħadem bil-ġebel, bil-bronż, bl-injam, bit-tafal, bl-istukko u bix-xama', u kellu diversi assistenti, għalkemm tipikament jissemmew erba' l-iktar. Għalkemm l-iżjed xogħlijiet magħrufa tiegħu kienu l-istatwi, huwa żviluppa tip ġdid ħafif ħafna ta' bassoriljiev għal xogħlijiet żgħar, u għadd kbir tax-xogħol tiegħu kienu riljievi arkitettoniċi ferm ikbar.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Donatello kien iben Niccolò di Betto Bardi, li kien membru tal-Arti tas-Suf ta' Firenze. Huwa twieled f'Firenze, x'aktarx fl-1386. Donatello kiseb l-edukazzjoni tiegħu fid-dar tal-familja Martelli.[3] Milli jidher ingħata t-taħriġ artistiku bikri tiegħu fi studjo ta' arġentier (tad-deheb), u mbagħad ħadem għal żmien qasir fl-istudjo ta' Lorenzo Ghiberti.[4]
F'Pistoia fl-1401, Donatello ltaqa' ma' Filippo Brunelleschi. X'aktarx marru Ruma flimkien għall-ħabta tal-1403, u baqgħu hemmhekk sas-sena ta' wara, biex jistudjaw il-fdalijiet arkitettoniċi. Brunelleschi informalment għallem lil Donatello fl-arti tal-iskultura u tal-arġentiera (tad-deheb).[5] Il-binjiet ta' Brunelleschi u l-iskulturi ta' Donatello jitqiesu bħala espressjonijiet supremi tal-ispirtu ta' din l-epoka fl-arkitettura u fl-iskultura, u eżerċitaw influwenza qawwija fuq l-artisti ta' dak iż-żmien.
Firenze
[immodifika | immodifika s-sors]F'Firenze, Donatello għen lil Lorenzo Ghiberti bl-istatwi tal-profeti għall-bieb tat-Tramuntana tal-Battisterju tal-Katidral ta' Firenze, u tħallas tagħhom f'Novembru 1406 u fil-bidu tal-1408. Fl-1409-1411 huwa wettaq figura bilqiegħda kolossali ta' San Ġwann l-Evanġelista, li kienet tokkupa niċċa tal-faċċata tal-katidral l-antik sal-1588, u li issa tinstab fil-Mużew tal-Opri tal-Bażilika. Dan ix-xogħol jimmarka pass deċiżiv 'il quddiem mill-Manjeriżmu Gotiku Aħħari fit-tfittxija għan-naturaliżmu u għall-ħolqien mill-ġdid tas-sentimenti umani. Il-wiċċ, l-ispallejn, u l-bust kienu għadhom idealizzati, filwaqt li l-idejn u d-drapp fuq ir-riġlejn huma iktar realistiċi.
Fl-1411-1413, Donatello ħadem fuq statwa ta' San Mark għall-knisja tax-xirka ta' Orsanmichele. Fl-1417 huwa lesta l-istatwa ta' San Ġorġ għall-Konfraternità tal-produtturi tal-armaturi. Mill-1423 ħadem fuq l-istatwa ta' San Alwiġi ta' Toulouse għal Orsanmichele, li issa tinsab fil-Mużew tal-Bażilika ta' Santa Croce. Donatello skolpixxa wkoll il-gwarniċ klassiku għal din l-opra, li għadu jeżisti, filwaqt li l-istatwa ġiet imċaqilqa fl-1460 u ssostitwita bl-Inkredulità ta' San Tumas ta' Verrocchio.[6]
Bejn l-1415 u l-1426, Donatello ħoloq ħames statwi għall-kampnar tal-Knisja ta' Santa Maria del Fiore f'Firenze, magħrufa wkoll bħala l-Bażilika jew il-Katidral. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-Profeta bla Daqna; il-Profeta bid-Daqna (it-tnejn mill-1415); is-Sagrifiċċju ta' Iżakk (1421); Habbakuk (1423-1425); u Ġeremija (1423-1426); li jsegwu l-mudelli klassiċi għall-oraturi u huma kkaratterizzati minn dettalji qawwijin minn ritratti. Fis-snin 20 tas-seklu 15 holoq ir-riljiev tal-Pazzi Madonna f'Berlin. Fl-1425, huwa wettaq il-Kurċifiss notevoli għal Santa Croce; dan ix-xogħol juri lil Kristu f'mument ta' agunija, b'għajnejh u ħalqu parzjalment miftuħin, u b'ġismu f'poża mhux grazzjuża.
Mill-1425 sal-1427, Donatello kkollabora ma' Michelozzo fuq il-monument funebri tal-Antipapa Ġwanni XXIII għall-Battisterju ta' Firenze. Donatello għamel il-figura tal-bronż tad-deċedut taħt arzella. Fl-1427, huwa kkompleta f'Pisa riljiev tal-irħam għall-monument funebri tal-Kardinal Rainaldo Brancacci fil-Knisja ta' Sant'Angelo a Nilo f'Napli. Fl-istess perjodu, huwa wettaq ir-riljiev tal-Festa ta' Erodi (għall-ħabta tal-1427) u l-istatwi tal-Fidi u t-Tama għall-Battisterju ta' San Ġwann fi Siena. Il-Festa ta' Erodi hija fil-biċċa l-kbira stiacciato (bassoriljiev ħafif ħafna), b'figuri ta' bassoriljiev fuq quddiem, u hija waħda mill-ewwel eżempji ta' perspettiva minn punt wieħed fl-iskultura.
Donatello rrestawra wkoll skulturi antiki għal Palazzo Medici.[7]
David tal-bronż
[immodifika | immodifika s-sors]Id-David tal-bronż ta' Donatello, li issa jinsab fil-mużew tal-Bargello, hija l-iżjed opra famuża tiegħu, u l-ewwel statwa wieqfa magħrufa ta' raġel għerwien mill-antikità. Ikkonċepita għalkollox mingħajr ebda sfond arkitettoniku, u tirrappreżenta l-iktar allegorija tal-virtujiet ċiviċi li jittrijonfaw fuq il-brutalità u l-irrazzjonalità, x'aktarx li hija l-ewwel opra maġġuri tal-iskultura Rinaxximentali. Ġiet ikkummissjonata minn Cosimo de' Medici għall-bitħa interna tal-Palazzo Medici tiegħu, iżda d-data meta ġiet magħmula għadha soġġett ta' dibattitu. Spiss tiġi datata fis-snin 40 tas-seklu 15, iżda ġieli ġiet datata fis-snin 60 tas-seklu 15 minn xi studjużi. Ma għandhiex tiġi konfuża mad-David tal-ġebel tiegħu, imlibbes, tal-ħabta tal-1408-1409.
Uħud sostnew li d-David għandu kwalitajiet omoerotiċi u li dan jirrefletti l-orjentazzjoni tal-artist stess.[8] L-istoriku Paul Strathern isostni li Donatello ma kienx jaħbi li kien omosesswali, u li l-imġiba tiegħu kienet tollerata minn ħbiebu.[9] L-evidenza prinċipali ġejja minn anedotti ta' Angelo Poliziano fid-"Detti piacevoli" tiegħu, fejn jikteb dwar Donatello mdawwar b'"assistenti sbieħ" u li wieħed minnhom ħarablu minn l-istudjo tiegħu.[10] Dan x'aktarx li mhux daqshekk sorprendenti fil-kuntest tal-attitudnijiet prevalenti fir-Repubblika ta' Firenze tas-sekli 15 u 16. Madankollu, ma tantx hemm ċertezza dwar il-ħajja privata tiegħu, u ma nstabet l-ebda referenza dwar is-sesswalità tiegħu fl-arkivji ta' Firenze[11] għalkemm il-perjodu ta' ħajtu ma kienx komplut.[12]
Ruma, Prato u Venezja
[immodifika | immodifika s-sors]Meta Cosimo ġie eżiljat minn Firenze, Donatello mar Ruma, u baqa' hemm sal-1433. Iż-żewġ xogħlijiet li jixhdu l-preżenza tiegħu f'din il-belt, il-Qabar ta' Giovanni Crivelli fil-Knisja ta' Santa Marija in Aracoeli, u ċ-Ciborium fil-Bażilika ta' San Pietru, għandhom marka qawwija ta' influwenza klassika.
Ir-ritorn ta' Donatello f'Firenze kważi inzerta kien ma' dak ta' Cosimo. F'Mejju 1434, huwa ffirma kuntratt għall-pulptu tal-irħam tal-faċċata tal-Katidral ta' Prato, l-aħħar proġett imwettaq f'kollaborazzjoni ma' Michelozzo. Dan ix-xogħol, bħala żifna mqanqla, pagana, ritmika Bakkanaljana ta' putti nofshom għerwenin, kien l-opra ta' quddiem tal-Cantoria l-grandjuża, jew it-tribuna tal-kantanti, fil-Katidral ta' Firenze li Donatello ħadem fuqu minn żmien għal żmien mill-1433 sal-1440 u kien ispirat minn sarkofagi antiki u minn sniedaq tal-avorju Biżantini. Fl-1435, huwa wettaq it-Tħabbira għall-artal ta' Cavalcanti fil-Knisja ta' Santa Croce, ispirata mill-ikonografija tas-seklu 14, u fl-1437-1443, huwa ħadem fis-Sagristija l-Antika ta' San Lorenzo f'Firenze, fuq żewġ bibien u lunetti bil-qaddisin, kif ukoll tmien tondi tal-istukko. Fl-1438 wettaq l-istatwa tal-injam ta' San Ġwann il-Battista għall-Knisja ta' Santa Marija Glorjuża f'Venezja.
Padova
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1443, Donatello ġie msejjaħ lejn Padova mill-werrieta ta' Erasmo da Narni (magħruf bħala Gattamelata), li kien miet dik is-sena. Imlesti fl-1450 u mqiegħed fil-pjazza faċċata tal-Bażilika ta' Sant'Antnin, il-Monument Ekwestri ta' Gattamelata tiegħu kien l-ewwel eżempju ta' tali monument minn żmien il-qedem. Statwi ekwestri oħra mis-seklu 14 ma kinux saru bil-bronż u kienu tqiegħdu fuq l-oqbra iktar milli weqfin waħedhom fi spazju pubbliku. Dan ix-xogħol sar il-prototip għal monumenti ekwestri oħra mwettqa fl-Italja u fl-Ewropa fis-sekli ta' wara.
Għall-Bażilika ta' Sant'Antnin, Donatello ħoloq il-Kurċifiss famuż tal-bronż tal-1444-1447 u statwi addizzjonali għall-kor, inkluż Madonna bil-Bambin u sitt qaddisin, li jikkostitwixxu Konversazzjoni Mqaddsa, li ma għadhiex viżibbli wara r-rinnovazzjoni ta' Camillo Boito fl-1895. Il-Madonna bil-Bambin turi lil Ġesù lill-fidili, fuq tron b'żewġ sfinġijiet, wieħed fuq kull naħa, bħala figuri allegoriċi tal-għarfien. Fuq il-wara tat-tron hemm riljiev ta' Adam u Eva. Matul dan il-perjodu — fl-1446-1450 — Donatello wettaq ukoll erba' riljievi mix-xeni tal-ħajja ta' Sant'Antnin għall-artal maġġuri. Huwa baqa' f'Padova sal-1453, meta reġa' lura f'Firenze.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Isem | Għamla | Materjal | Sena | Post oriġinali | Post attwali |
---|---|---|---|---|---|
Amor-Attys | Statwa | Bronż | għall-ħabta tal-1440 | Firenze | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
Tħabbira ta' Cavalcanti | Riliev, fil-għoli, f'aedicula | Pietra serena (ħaġra) u terrakotta, bl-abjad u indurata | għall-ħabta tal-1435 | Firenze, Santa Croce | Firenze, Santa Croce |
Kurċifiss | Statwa | Injam, polikromatiku | 1407–1408 | Firenze, Santa Croce | Firenze, Santa Croce, Kappella Bardi di Vernio |
David (b'ras Gulija) | Statwa | Bronż, parzjalment indurat | 1430s–1450s (?) | Firenze, Casa Vecchia de' Medici | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
David (b'ras Gulija) | Statwa (oriġinarjament bl-isbandola) | Irħam | 1408–1409 | Firenze, Santa Maria del Fiore, ippjanata għar-riffieda, Palazzo Vecchio (1416) | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
Dovizia (fuq il-Kolonna tal-Abbondanza) | Statwa fuq kolonna | Irħam (b'qanpiena operattiva) | 1431 | Firenze, Piazza della Repubblica | deterjorata u meqruda minħabba waqgħa fl-1721 (sostitwita b'verżjoni ta' Giovanni Battista Foggini li ġiet sostitwita b'kopja) |
Monument Ekwestri ta' Gattamelata | Statwa, monument ekwestri | Bronż | 1445–1450 | Padova, Piazza Sant'Antonio | Padova, Piazza Sant'Antonio |
Artal maġġuri bil-Madonna u l-Bambin, sitt statwi ta' qaddisin u erba' episodji tal-ħajja ta' Sant'Antnin | Statwi (seba') u 21 riljiev | Bronż (u riljiev tal-ġebel) | wara l-1446 | Padova, Basilica di Sant'Antonio | Padova, il-Bażilika ta' Sant'Antnin (rikostruzzjoni) |
Ġeremija | Statwa f'niċċa (it-tielet minn erba') | Irħam | għall-ħabta tal-1423 | Firenze, Santa Maria del Fiore, Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Ġwanni l-Evanġelista | Statwa f'niċċa, bilqiegħda | Irħam | 1408–1415 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-faċċata | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Ġwanni l-Battista | Statwa | Injam, miżbugħ u parzjalment indurat | 1438 | Venezja, Santa Maria Gloriosa dei Frari | Venezja, Santa Maria Gloriosa dei Frari |
Ġwanni l-Battista | Statwa | Bronż | għall-ħabta tal-1455 | Siena, il-Katidral | Siena, il-Katidral |
Ġoxwa | Statwa (għolja 5.5 metri) | Terrakotta, bl-abjad | qabel l-1410 | Firenze, Santa Maria del Fiore, tribuna tat-Tramuntana | diżintegrata |
Ġuditta u Oloferne | Grupp ta' statwi | Bronż | 1453–1457 | Firenze, Palazzo Medici, ġnien | Firenze, Palazzo Vecchio |
Madonna u l-Bambin | Bassoriljiev | Terrakotta, miżbugħa | 1445 (1455) | mhux magħruf | Pariġi, Louvre |
Madonna tas-Sħab | Riljiev | Bronż | 1425-1435 | mhux magħruf | Boston, il-Mużew tal-Belle Arti, Boston |
Marzocco | Statwa | Ġebla tar-ramel | 1418–1420 | Firenze, Santa Maria Novella, appartament Papali | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello |
Sagristija Antika (bibien, lunetti, tondi u freġju) | Bassoriljievi | Bronż (bibien), stukko polikromatiku | 1434–1443 | Firenze, San Lorenzo | Firenze, San Lorenzo |
Pazzi Madonna | Bassoriljiev | Irħam | għall-ħabta tal-1420 | mhux ċert | Berlin, Bode Museum, Kollezzjoni tal-Iskulturi |
Maddalena Tindem | Statwa | Injam u stukko miżbugħa u indurata | 1440–1442 (?) | Firenze | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Profeta | Statwa | Irħam | qabel l-1410 | Firenze, Santa Maria del Fiore, Porta della Mandorla | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Profeti | Statwi fin-niċċa (tnejn minn erba') | Irħam | 1415 u 1418–1420 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Pulptu, Cantoria | Pulptu b'riljievi għoljin | Irħam, mużajk, bronż | 1433–1438 | Firenze, Santa Maria del Fiore | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Pulptu, estern | Riljievi | Irħam | 1434–1438 | Prato, il-katidral | Prato, il-Mużew tal-Katidral |
Pulpti, waħda mix-xeni tal-Passjoni, waħda bix-xeni ta' wara l-Passjoni | Riljievi | Bronż | wara l-1460 | Firenze, San Lorenzo | Firenze, San Lorenzo |
San Mark | Statwa f'niċċa | Irħam | 1411–1413 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, il-mużew ta' Orsanmichele |
Relikwarju ta' San Rossore | Bust | Bronż, indurat | 1422–1427 | Firenze, Ognissanti | Pisa, il-Mużew Nazzjonali ta' San Mattew |
San Ġorġ (b'San Ġorġ Jeħles il-Prinċipessa) | Statwa u niċċa b'riljiev ta' predella | Irħam | għall-ħabta tal-1416 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, il-Mużew Nazzjonali tal-Bargello (b'niċċa) |
San Alwiġi ta' Toulouse | Statwa f'niċċa | Bronż, indurata (ormolu) | 1411–1415 | Firenze, Orsanmichele | Firenze, Santa Croce (mis-snin 50 tas-seklu 15) |
Il-Festa ta' Erodi | Riljiev | Bronż | 1423–1427 | Siena, il-Battisterju ta' San Ġwann, fonti tal-magħmudija | Siena, il-Battisterju |
Qabar tal-Kardinal Rainaldo Brancacci | Monument u qabar bi statwi, riljievi, indurati u polikromatiċi | Irħam | 1426–1428 | Napli, Sant'Angelo a Nilo | Napli, Sant'Angelo a Nilo |
Il-Madonna bil-Bambin u Erba' Anġli ta' Chellini | Bassoriljiev, tondo | Bronż, indurata | 1456, before | Firenze | Londra, Victoria and Albert Museum |
Zuccone (il-Profeta Habakkuk) | Statwa f'niċċa (l-aħħar waħda minn erba') | Irħam | 1423–1425 | Firenze, Santa Maria del Fiore, il-Kampnar | Firenze, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika |
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
San Ġwann l-Evanġelista (1408-1415), li sal-1588 kienet f'niċċa tal-faċċata tal-Katidral l-Antik ta' Firenze, issa tinsab fil-Mużew tal-Opri tal-Bażilika.
-
Id-David ta' Donatello, in-naħa tax-xellug ta' quddiem tar-ras u l-ispallejn.
-
Madonna bil-Bambin, terrakotta miżbugħa, għall-ħabta tal-1440, Louvre.
-
Il-Monument Ekwestri ta' Gattamelata (1445-1450), Padova.
-
Statwa ta' San Ġwann il-Battista fil-Katidral ta' Siena, għall-ħabta tal-1455.
-
Maddalena Tindem, injam, għall-ħabta tal-1440-1442, il-Mużew tal-Opri tal-Bażilika, Firenze.
-
Il-Kristu ta' Sant'Angelo di Legnaia.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Avery, Charles, Donatello: An Introduction, New York, 1994.
- Avery, Charles, Donatello. Catalogo completo delle opere, Firenze 1991.
- Avery, Charles and McHam, Sarah Blake, "Donatello". Grove Art Online. Oxford Art Online. Oxford University Press.
- Bennett, Bonnie A. u Wilkins, David G., Donatello, Oxford 1984.
- Coonin, A. Victor, Donatello and the Dawn of Renaissance Art, Reaktion Books, Londra, 2019.
- Greenhalgh, Michael, Donatello and His Sources, Holmes & Meier Pub., 1982.
- Hartt, Frederick u Wilkins, David G., History of Italian Renaissance Art (7th ed.), Pearson, 2010.
- Janson, Horst W., The Sculpture of Donatello, Princeton University Press, 1957.
- Leach, Patricia Ann, Images of Political Triumph: Donatello's Iconography of Heroes, Princeton University Press, 1984.
- Olson, Roberta J.M., Italian Renaissance Sculpture, 1992, Thames & Hudson (World of Art), ISBN 978-0500202531.
- Randolph, Adrian W.B., Engaging Symbols: Gender, Politics, and Public Art in Fifteenth-Century Firenze. Yale University Press, 2002.
- Vasari, Giorgio, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori Lives of the Most Excellent Painters, Sculptors, and Architects, Firenze 1568, edizzjoni ta' R. Bettarini u P. Barocchi, Firenze, 1971.
- Wilson, Carolyn C., Renaissance Small Bronze Sculpture and Associated Decorative Arts, 1983, National Gallery of Art (Washington), ISBN 0894680676.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Wells, John (3 April 2008). Longman Pronunciation Dictionary (3rd ed.). Pearson Longman. ISBN 978-1-4058-8118-0.
- ^ "Cinq maîtres de la Renaissance florentine | Petite Galerie - musée du Louvre". petitegalerie.louvre.fr. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-11. Miġbur 2022-12-13.
- ^ Rubin, Patricia Lee (Jannar 1995). Giorgio Vasari: Art and History. p. 350. ISBN 9780300049091.
- ^ Walker, Paul Robert (2003). The Feud That Sparked the Renaissance. New York: William Morrow. pp. xi. ISBN 9780061743559.
- ^ Walker, Paul Robert (2003). The Feud That Sparked the Renaissance. New York: William Morrow. pp. 26, 30, 34. ISBN 9780061743559.
- ^ Horst W. Janson, The Sculpture of Donatello, Princeton, 1963.
- ^ Hesson, Robert (2022-07-04). "Collections and restoration of antiquities - Ancient Monuments". Northern Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-13.
- ^ H.W. Janson, The Sculpture of Donatello, Princeton, 1957, II, 77–86; Laurie Schneider, "Donatello's Bronze David," The Art Bulletin, 55 (1973) 213–216.
- ^ Paul Strathern, The Medici: Godfathers of the Renaissance, Londra, 2003.
- ^ Michael Rocke, Forbidden Friendships: Homosexuality and Male Culture in Renaissance Florence.
- ^ Joachim Poeschke, Donatello and His World. Sculpture of the Italian Renaissance, Volume 1, Harry N Abrams, New York, 1993.
- ^ Louis Crompton, Homosexuality and Civilization, Harvard Press, 2003, p. 264.