Akropoli ta' Ateni
L-Akropoli ta' Ateni huwa fdal ta' bini, mibni fuq għolja tal-ġebla tal-ġir, li tiddomina l-belt ta' Ateni, il-Greċja. L-Akropoli jinkludi wħud mill-eqdem binjiet klassiċi fid-dinja li għandhom sinifikat arkitettoniku u storiku kbir, u fosthom l-iktar famuż huwa l-Partenon. L-isem akropoli ġej mill-kelma Griega ἄκρον (akron, "tarf, estremità") u πόλις (polis, "belt").
Minkejja li hemm l-evidenza li din l-għolja kienu jgħixu fiha sa mir-raba' millenju qabel Kristu, kien Periklew (għall-ħabta tal-495 – 429 Q.K.) li fis-seklu ħamsa qabel Kristu kien ikkoordina l-kostruzzjoni tal-iktar binjiet importanti ta' dan is-sit, fosthom il-Partenon, il-Propylaea, l-Eructheum u t-tempju ta' Atena Nike.
Partenon
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Partenon huwa tempju ta' stil Doriku, li nbena fl-447 Q.K. għal Atena, l-alla femminili tal-għerf.
Propylaea
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Propylaea hija monument li jikkonsisti minn diversi livelli u li nbena għall-ħabta tal-437 Q.K., b'irħam abjad fuq disinn ta' Mnesicles. Il-Propylaea għandha struttura ta' sala. Fuq in-naħa ta' barra nsibu żewġ settijiet ta' sitt kolonni Doriċi.
Eructheum
[immodifika | immodifika s-sors]L-Eructheum huwa msemmi għal Eruchthus, re tal-mitoloġija. Huwa wieħed mill-iktar tempji elaborati li wieħed jista' jsib fl-Akropoli u huwa eżempju meraviljuż ta' arkitettura Jonika. Il-veranda ta' quddiem hija mogħnija b'sitt figuri femminili, il-Karjatidi. Dan il-bini nbena fl-407 Q.K.
Tempju ta' Atena Nike
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Atena Nike (Atena rebbieħa) inbena fl-420 Q.K. Huwa eżempju ċar ta' tempju klassiku, b'kolonni Joniċi, u huwa mdawwar bil-burdura man-naħa ta' fuq.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kumpless tal-Akropoli fl-1987 ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Acropolis, Athens". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-12.