Urbino
Urbino | ||
---|---|---|
Italja | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Pajjiż | Italja | |
Region of Italy | Marche | |
Provinċja tal-Italja | Provinċja ta' Pesaro u Urbino | |
Isem uffiċjali | Urbino | |
Ismijiet oriġinali | Urbino | |
Kodiċi postali |
61029 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 43°43′31″N 12°38′14″E / 43.725239°N 12.6372°EKoordinati: 43°43′31″N 12°38′14″E / 43.725239°N 12.6372°E | |
Superfiċjenti | 226.5 kilometru kwadru | |
Għoli | 485 m | |
Fruntieri ma' | Acqualagna (en) , Vallefoglia (en) , Fermignano, Isola del Piano (en) , Lunano (en) , Montecalvo in Foglia (en) , Monteciccardo (en) , Montelabbate (en) , Peglio (en) , Petriano (en) , Piandimeleto (en) , Piobbico (en) , Sant'Angelo in Vado (en) , Sassocorvaro Auditore (en) , Tavoleto (en) , Urbania (en) , Fossombrone (en) , Montefelcino (en) u Mondaino (en) | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 13,734 abitanti (1 Jannar 2023) | |
Informazzjoni oħra | ||
Kodiċi tat-telefon |
0722 | |
Żona tal-Ħin | UTC+1, Ħin tal-Ewropa Ċentraliu UTC+2 | |
bliet ġemellati | Kazan, Blois (en) u Guingamp (en) | |
comune.urbino.pu.it |
Urbino (bit-Taljan u bil-Malti:[urˈbiːno]) hija belt ta' 13,820 ruħ[1] imdawra bis-swar fil-Lbiċ ta' Pesaro, fir-reġjun tal-Marche fl-Italja. Iċ-ċentru storiku ta' Urbino huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], magħruf għal legat storiku notevoli tal-kultura Rinaxximentali indipendenti, speċjalment taħt il-patroċinju ta' Federico da Montefeltro, id-duka ta' Urbino mill-1444 sal-1482. Il-belt tinsab fuq fil-quċċata ta' għolja u rnexxielha tħares ħafna mill-bixra Medjevali pittoreska tagħha. Il-belt tospita l-Università ta' Urbino, li ġiet stabbilita fl-1506, u hija s-sede tal-Arċisqof ta' Urbino. L-iktar kapulavur arkitettoniku magħruf tal-belt huwa l-Palazzo Ducale (il-Palazz tad-Duka), li nbena mill-ġdid minn Luciano Laurana.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt tinsab f'żona b'ħafna għoljiet, fuq l-għatba tal-Appennini tat-Tramuntana u l-Appennini tat-Toskana u tal-Emilia-Romagna. Il-belt tinsab fiż-żona tan-Nofsinhar ta' Montefeltro, li hija kklassifikata bħala żona b'riskju sismiku medju sa għoli. Fil-bażi tad-data tat-terremoti li tfasslet mill-Istitut Nazzjonali tal-Ġeofiżika u l-Vulkanoloġija, xi 65 avveniment sismiku affettwaw il-belt ta' Urbino bejn is-26 ta' Marzu 1511 u s-26 ta' Marzu 1998. Fosthom hemm it-terremot tal-24 ta' April 1741, meta t-theżżiż kien qabeż il-livell VIII fuq l-iskala Mercalli tal-intensità tat-terremoti, b'epiċentru f'Fabriano.[3]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]URBINO | Xhur | Staġuni | Sena | ||||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Jan | Frar | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Xit | Reb | Sajf | Ħar | ||
Temp. mass. medja (°C) | 6,6 | 7,4 | 10,9 | 14,6 | 19,6 | 24,2 | 27,1 | 26,2 | 22,1 | 16,2 | 11,3 | 7,8 | 7,3 | 15,0 | 25,8 | 16,5 | 16,2 |
Temp. min. medja (°C) | 0,4 | 1,1 | 3,6 | 6,4 | 10,2 | 14,4 | 16,9 | 16,5 | 13,5 | 9,0 | 4,8 | 1,6 | 1,0 | 6,7 | 15,9 | 9,1 | 8,2 |
Preċipitazzjoni (mm) | 54 | 59 | 69 | 67 | 70 | 58 | 46 | 69 | 69 | 88 | 99 | 66 | 179 | 206 | 173 | 256 | 814 |
Jiem ta' xita | 8 | 8 | 9 | 9 | 9 | 7 | 4 | 6 | 6 | 9 | 9 | 9 | 25 | 27 | 17 | 24 | 93 |
Eljofanija assoluta (sigħat kuljum) | 3,2 | 3,7 | 4,4 | 5,9 | 7,2 | 8,4 | 10,5 | 9,0 | 7,2 | 4,6 | 2,9 | 2,8 | 3,2 | 5,8 | 9,3 | 4,9 | 5,8 |
Riħ (direzzjoni-m/s) | SW
4,9 |
NE
4,5 |
SW
4,8 |
SW
4,5 |
SW
4,2 |
SW
4,0 |
SW
4,0 |
NE
3,6 |
SW
3,7 |
NE
3,9 |
SW
4,7 |
SW
5,1 |
4,8 | 4,5 | 3,9 | 4,1 | 4,3 |
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-oriġini tal-isem Urbino (Urvinum Metaurense jew Mataurense bil-Latin) mhijiex ċerta[4]: skont uħud, Urvinum (jew Urbinum) ġejja min-nom Urvum (jew Urbum), li kien jirreferi għall-manku tal-moħriet, peress li l-forma tiegħu kien jingħad li tixbaħ l-għolja ta' Poggio (fejn kien hemm l-ewwel insedjament primittiv tal-belt)[5]; filwaqt li t-terminu Metaurense ġej ovvjament mix-xmara Metaurus (jew Mataurus), u kien jintuża biex il-belt ta' Urbino tkun distinta minn belt oħra bl-istess isem fl-istess reġjun, Urvinum Hortense, u l-isem ta' din il-belt x'aktarx li oriġina wkoll mill-istess xebħ tal-għolja mal-manku tal-moħriet. Madankollu, skont ipoteżi oħra, l-isem Urbino ġej mil-Latin urbs-urbis (jiġifieri belt) u jirreferi għan-natura tagħha ta' belt doppja (urbs bina), peress li żviluppat fuq żewġ għoljiet. Hemm saħansitra ipoteżi oħra li tgħid li l-isem għandu oriġini Preindoewropea.[6]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġini u Medju Evu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt Rumana mudesta Urbinum Mataurense (“il-belt iż-żgħira fuq ix-xmara Mataurus”) saret fortizza strateġika importanti fil-Gwerer Gotiċi tas-seklu 6 W.K., wara li nħakmet fil-538 mill-Ostrogoti mill-Ġeneral Biżantin Belisarju, u ssemmiet spiss mill-istoriku Prokopju.
Urbino ġiet okkupata għal żmien qasir mil-Longobardi taħt ir-re Liutprando. Imbagħad, qalb it-territorji li Pipin III (ir-Re tal-Franki) ħataf mil-Longobardi, fis-754 huwa ppreżenta l-belt ta' Urbino lill-Papat. Madankollu, għal diversi sekli, id-dominju tal-Papat kien purament formali u mhux effettiv. Tul is-seklu 12, it-tradizzjonijiet indipendenti u awtonomi ġew espressi fit-twaqqif tal-governanza komunali, sakemm il-belt ta' Urbino għaddiet f'idejn il-familja Montefeltro. Minkejja li n-nies nobbli ma kellhom l-ebda awtorità diretta fuq il-komun, setgħu jagħmlu pressjoni biex jiġu eletti bħala podestà. Bonconte di Montefeltro rnexxielu jikseb dan it-titlu fl-1213, u dan wassal biex il-popolazzjoni ta' Urbino tirribella u tiġi ffurmata alleanza mal-komuni indipendenti ta' Rimini (1228), sa ma fl-aħħar jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-belt fl-1234. Minkejja dan, eventwalment il-familja Montefeltro reġgħet kisbet il-kontroll tal-belt għal darb'oħra, u żammitu sal-1508. Fit-tilwim bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, meta l-fazzjonijiet kienu jappoġġaw il-Papat jew inkella l-Imperu Ruman Sagru rispettivament, il-familja Montefeltro laħqet esponenti nobbli minnha bħala l-mexxejja tal-Gibellini tar-reġjuni tal-Marche u tal-Emilia-Romagna.[7]
Federico da Montefeltro
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar membru famuż tal-familja Montefeltro, Federico da Montefeltro, mexxa l-belt bħala d-Duka ta' Urbino mill-1444 sal-1482. Huwa kien mexxej ta' suċċess, diplomatiku kapaċi u bniedem entużjast li jagħti patroċinju għall-arti u għal-letteratura. Ħa r-riedni f'idejh fl-1444 bħala iben Guidantonio, wara konfoffa u l-qtil ta' Oddantonio li kellu jilħaq leġittimament, iżda li kien mibgħud minħabba ż-żina bla rażan tiegħu u t-tassazzjoni eċċessiva li kien impona matul is-sbatax-il xahar meta kien fit-tmun.
Federico ta prijorità lill-qasam politiku u beda jorganizza l-istat mill-ġdid. Dan kien jinkludi wkoll ir-ristrutturar tal-belt skont kunċett modern ta' dak iż-żmien biex tkun komda, effiċjenti u sabiħa. Bis-saħħa tal-isforzi tiegħu, għal kważi erbgħin sena taħt it-tmexxija tiegħu, il-gvern ħadem favur l-iskop ta' Federico da Montefeltro. B'hekk, frott il-ħila tiegħu u anke b'daqsxejn ta' xorti, irnexxielu jwettaq il-ħolma tiegħu u sawwar il-belt skont ħsibijietu.
Taħt il-patroċinju tiegħu, Piero della Francesca kiteb dwar ix-xjenza tal-perspettiva, Francesco di Giorgio Martini kiteb it-Trattato di architettura (it-Trattat dwar l-arkitettura) u missier Raffaello, Giovanni Santi, kiteb ir-rendikont poetiku tiegħu dwar l-artisti ewlenin ta' żmienu. Permezz tan-nies brillanti li Federico kellu ma' djulu fit-tmexxija tiegħu, skont id-deskrizzjonijiet ta' Baldassare Castiglione f'Il Cortegiano ppubblikat fl-1528, huwa stabbilixxa standards li mbagħad ikkaratterizzaw x'kien mistenni minn “ġentlom” Ewropew modern fis-sekli ta' wara.[8]
Cesare Borgia u d-Dukat Della Rovere
[immodifika | immodifika s-sors]Cesare Borgia ħa t-tmexxija tal-belt f'idu wara Guidobaldo da Montefeltro, it-tielet Duka ta' Urbino, u Elisabetta Gonzaga fl-1502, bil-kompliċità ta' missieru, il-Papa Alessandru VI. Wara t-tentattiv tal-Papa Ljun X li jaħtar żagħżugħ mill-familja Medici bħala duka, li sfaxxa fix-xejn minħabba l-mewt qabel iż-żmien ta' Lorenzo II de Medici fl-1519, Urbino saret parti mill-Istati Papali, taħt id-dinastija tad-duki Della Rovere (1508-1631). Dawn mexxew is-sede tad-dukat lejn il-belt ta' Pesaro fl-1523 u bil-mod il-mod Urbino qabdet it-triq tan-niżla sas-seklu 17.[7]
Annessjoni mal-Istati Papali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1626, il-Papa Urban VIII inkorpora b'mod definittiv id-Dukat mad-dominji Papali, skont ir-rieda tal-aħħar duka tal-familja Della Rovere li d-Dukat jiġi ggvernat mill-arċisqof, ladarba l-werriet ta' warajh inqatel. Minn hemm 'il quddiem l-istat ġie mmexxi minn sistema Papali b'ġerarkija ekkleżjastika. Wara l-annessjoni tad-Dukat mal-Istati Papali, il-wirt artistiku għani (inkluż l-għamara) tal-Palazz Dukali sar jifforma parti mid-dota tal-aħħar dixxendent dirett tal-familja Della Rovere, Vittoria della Rovere, li żżewġet lil Ferdinandu II de Medici. Dawn ix-xogħlijiet għaddew għand l-Uffizi, f'Firenze, u għadhom hemm sa llum, fosthom id-dittiku tad-Duki ta' Urbino magħmul minn Piero della Francesca. Xogħlijiet oħra tal-Palazz Dukali ttieħdu Ruma, fosthom it-Tila Ex Barberini ta' Fra Carnevale, u l-librerija famuża li ġiet inkorporata fil-Bibljoteka Vatikana fl-1657.
Albani u l-okkupazzjoni tal-Franċiżi
[immodifika | immodifika s-sors]Ftit wara l-bidu tas-seklu 18, fl-1701 ġie elett għall-Papat il-Kardinal Giovan Francesco Albani, bl-isem ta' Klement XI. Dan kien l-aħħar perjodu għani għall-belt, speċjalment fir-rigward tal-arti u l-kultura, bis-saħħa tal-finanzjament tal-Papa Albani u l-familja tiegħu. Twettqet ir-rinnovazzjoni ta' diversi binjiet, knejjes u monasteri; fosthom Palazzo Albani, parti mill-faċċata tas-Sede Komunali, il-Palazz tal-Arċisqof, il-Kappella Albani (fil-Kunvent ta' San Franġisk), l-Oratorju ta' San Ġużepp, u l-istruttura interna tal-knejjes ta' San Franġisk, San Duminku u Santu Wistin. Barra minn hekk, minħabba l-patroċinju tal-Papa u l-familja tiegħu, id-Duomo ta' Urbino sarlu ħafna titjib (bħal artal ġdid) flimkien ma' istituzzjonijiet reliġjużi oħra fil-belt. Minn Lulju 1717 sa Novembru 1718, Urbino ospitat lil James Stuart, il-pretendent eżilhat tat-tron Brittaniku, li kien igawdi l-appoġġ b'saħħtu tal-Papat.
Din l-epoka ġdida tad-deheb għall-belt ta' Urbino ntemmet bil-mewt ta' Klement XI fl-1721, u minn dak iż-żmien 'il quddiem il-belt bdiet sejra lura sa llum. Wara l-mewt tal-Papa, il-familja Albani b'mod prinċipali baqgħet tieħu ħsieb l-iktar xogħlijiet sinifikanti sal-ewwel nofs tas-seklu 19.
Fl-1789, il-koppla tal-Katidral ċediet minħabba terremot qawwi u b'hekk ġiet rinnovata l-knisja kollha.
Bejn l-1797 u l-1800, il-belt ġiet okkupata mit-truppi Franċiżi, bħall-biċċa l-kbira tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-Italja. Matul l-okkupazzjoni tal-Franċiżi, Urbino u t-territorju tal-madwar kellhom jiffaċċjaw ir-rekwiżizzjoni ta' ħafna opri tal-arti importanti mill-Franċiżi, u dawn spiċċaw Pariġi jew Milan, fil-mużewijiet tal-Louvre u l-Pinacoteca di Brera. Dan kompla jgħaxxaq il-wirt artistiku lokali, li diġà kien tilef ħafna opri minħabba d-devoluzzjoni tad-Dukat fis-seklu 17.[9]
Żvilupp mill-ġdid fis-seklu 19
[immodifika | immodifika s-sors]Is-seklu 19 beda bil-konsagrazzjoni tad-Duomo l-ġdid ta' Urbino fl-1809, skont id-disinn tal-arkitett Giuseppe Valadier, li rrestawra l-binjiet ta' żmien Federico da Montefeltro, bħas-Seminarju l-antik, biswit il-knisja ta' San Sergio.
Wara l-kostruzzjoni tal-Palazzo Albani l-ġdid fl-1831, iddisinjat mill-arkitett Pietro Ghinelli, li ddisinja wkoll il-Pjazza tar-Repubblika li iktar 'il quddiem kienet l-ewwel parti ta' Corso Garibaldi, il-belt esperjenzat għadd ta' titjib iddisinjat biex tibdel il-bixra tal-belt. Mill-kostruzzjoni tat-teatru Sanzio (1845-53) nibet it-twettaq aħħari ta' Corso Garibaldi, b'portiċi mgħottija fuq in-naħa tat-triq li ġejja għan-niżla sabiex dawk li kienu jattendu t-teatru setgħu jistkennu mix-xita u mill-borra fi triqithom lejn il-Pjazza tar-Repubblika, u l-kostruzzjoni baqgħet għaddejja sal-bidu tas-seklu 20. Barra minn hekk, bidla importanti oħra kienet il-qerda, fl-1868, ta' parti mis-swar biex tinħoloq barriera doganali, imsejħa Porta Nuova jew Barriera Margherita (f'ġieħ il-Prinċipessa Margerita ta' Savoia), li kienet meħtieġa minħabba triq ġdida li kienet tgħaddi tul biċċa mis-swar u kienet kollegata ma' Corso Garibaldi. Dan irriżulta f'pjanta urbana ġdida bl-inkorporazzjoni tal-biċċa art taħt il-Palazz Dukali msejħa Pincio.
Dawn it-trasformazzjonijiet urbani ġabu magħhom bidla fl-aċċess għall-belt. Minflok it-toroq dojoq u jserrpu minn ġo daħliet fis-swar, issa wieħed seta' jidħol minn Porta Nuova b'mod iktar faċli u konvenjenti biex jasal sal-Pjazza tar-Repubblika u l-Palazz Dukali fiċ-ċentru storiku tal-belt.
Dan it-tiġdid urban kien jirrifletti ħafna mill-ideat ta' Fulvio Corboli iżda d-disinn sar l-iktar mill-arkitett Vincenzo Ghinelli.[10]
Unifikazzjoni tal-Italja
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-8 ta' Settembru 1860, it-truppi tal-Piemonte daħlu f'Urbino minn Porta Santa Lucia, u l-aħħar reżistenza tal-armata Papali kellha tarrendi taħt il-portiku tad-dar fejn Raffaello għex fi tfulitu. Iżda kien fid-29 ta' Settembru, bil-ħakma ta' Ancona, li r-reġjun tal-Marche nħakem għalkollox mill-armata tal-Piemonte.
Bejn l-4 u l-5 ta' Novembru, kien hemm referendum dwar l-annessjoni tal-Marche mar-Renju ta' Sardenja, li spiċċa b'133,783 vot favur, 260 vot kontra u 1,212-il vot invalidu. Fil-provinċja ta' Urbino (eskluż it-territorju ta' Pesaro) l-għadd tal-voti kien 21,111 favur, 365 kontra u 29 vot invalidu. Sussegwentement, fl-10 ta' Novembru, ir-reġjun tal-Marche ġie inkluż fl-Istatut Albertino, u mbagħad, fis-17 ta' Diċembru, kollox ġie uffiċjalizzat bil-ħruġ ta' digriet irjali.[11]
Il-gvern il-ġdid beda l-konfiska ta' diversi proprjetajiet ekkleżjastiċi, fosthom il-parti l-kbira tal-Kunvent ta' San Franġisk (fejn kien hemm parti li kienet ġnien botaniku, iddisinjat minn Vincenzo Ghinelli), il-monasteru ta' Santa Klara, il-monasteru ta' San Ġlormu, u ħafna oħrajn.
L-ewwel nofs tas-seklu 20
[immodifika | immodifika s-sors]Dan is-seklu beda bħal ta' qablu. Il-perjodu ta' paċi dam għall-ewwel nofs tas-seklu 20, bl-ebda avveniment sinifikanti. F'dan il-perjodu, ġiet stabbilita l-iScuola del Libro (Istituto per la Decorazione e l'Illustrazione del Libro) u minnha ħareġ talent konsiderevoli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell internazzjonali. Flimkien mal-iżvilupp artistiku tal-iScuola del Libro, Urbino bdiet tikber ukoll bħala belt universitarja, b'fakultà universitarja għall-ispiżjara u l-fakultà tal-edukazzjoni (lejn l-1934). Minħabba dawn il-bidliet fl-Università, żieda fil-popolazzjoni tal-istudenti wasslet għal nuqqas ta' akkomodazzjoni u l-belt inqabdet fuq sieq waħda, tant li għall-bidu ħafna studenti bdew joqogħdu fid-djar taċ-ċittadini. Il-problema ġiet solvuta parzjalment bl-istabbiliment tal-iskola tas-subien fejn kienu jibqgħu jorqdu u jieklu hemm, il-Convitto Raffaello, fil-bidu tas-seklu, u oħra tal-bniet, il-Convitto Laura Battiferri, lejn l-1926. Dan il-perjodu kien dominat minn avvenimenti kbar fl-istorja nazzjonali u internazzjonali, li inevitabbilment ġew espressi wkoll f'Urbino. Il-perjodu tad-dittatura Faxxista ħalliet il-marka tagħha fuq il-belt, speċjalment mill-puntdivista arkitettoniku, bi skola primarja Faxxista ta' Giovanni Pascoli (1932) li nbniet fuq il-ġnien antik ta' Santa Luċija (parti mill-ġonna privati tad-duki), ir-restawr tal-Palazzo Mauruzi-Gherardi, li dak iż-żmien kien is-sede tat-tribunal, kif ukoll il-Casa dello Studente, biex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' akkomodazzjoni għall-istudenti universitarji u għan-nies b'diżabbiltà u dawk li ndarbu fil-gwerer.
Fl-1938, il-belt ta' Urbino ġiet iddeżinjata bħala l-kwartieri ġenerali tas-Soprintendenza alle Gallerie e alle Opere d'Arte delle Marche, li kienet Organizzazzjoni tal-Galleriji u l-Opri tal-Arti tal-Marche.
Malli faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt ma ġarrbet l-ebda ħsarat mill-bumbardamenti, bis-saħħa ta' salib aħmar kbir li ġie miżbugħ fuq is-saqaf tal-Palazz Dukali u ftehim bejn il-Ġermaniżi u l-Alleati. Kien biss lejn tmiem il-gwerra li t-truppi Ġermaniżi ppruvaw jeqirdu s-swar u l-ħitan kollha tal-belt bl-isplussiv qabel jirtiraw, iżda b'xorti tajba ċ-ċittadini ta' Urbino li tqabbdu jiffabbrikaw l-isplussiv għamluh b'tali mod li ma jiħux. Huma hu jirtiraw, it-truppi Ġermaniżi iżolaw il-belt bil-qerda tal-kollegamenti ferrovjarji u bit-triq. Barra minn hekk, il-Ġermaniżi ppjanaw li jisplodu mina li kienet għadha qed tinbena bejn Urbino u l-parroċċa ta' Schieti, li kienet qed tintuża min-Nażisti biex jaħżnu l-armi tan-nar. Minħabba l-pożizzjoni tal-mina taħt iċ-ċentru storiku tal-belt, il-popolazzjoni ta' Urbino kienet qed tibża' li splużjoni kienet teqred il-belt kollha, iżda dan ma seħħx. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-Supretendent ta' dak iż-żmien tal-Galleriji u l-Opri tal-Arti ta' Urbino, Pasquale Rotondi ħeba madwar 10,000 kapulavur imprezzabbli (fosthom dawk ta' Giorgione, Piero della Francesca, Paolo Uccello, Tiziano, Mantegna, Raffaello u ħafna oħrajn, li issa jinsabu fl-aqwa mużewijiet fl-Italja) li kienu se jinsterqu min-Nażisti fil-Fortizza ta' Sassocorvaro. Għemilu ġie rikonoxxut mad-dinja kollha u sa llum il-fortizza hija magħrufa bħala l-“Arka tal-Arti”.[12]
Urbino ġiet illiberata mill-okkupazzjoni Nażista fit-28 ta' Awwissu 1944, bis-saħħa tal-intervent tal-Korp Brittaniku Nru V u tat-truppi Pollakki, u l-azzjonijiet erojċi tal-gruppi partiġjani taż-żona. Uħud mill-membri ta' dawn il-gruppi nqabdu min-Nażisti u ġew ġustizzjati f'Punto Panoramica, fejn illum hemm mafkar biex jagħti ġieħ lis-sagrifiċċju tagħhom.[13]
Urbino u De Carlo
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-tieni nofs tas-seklu 20 kien hemm kooperazzjoni kbira bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi ewlenin u l-arkitett Giancarlo De Carlo. Din ir-relazzjoni bdiet fl-1956 meta Carlo Bo, eks rettur tal-Università, ikkummissjona lil De Carlo biex iwettaq il-proġett tar-restawr intern tal-Palazzo Montefeltro-Bonaventura, is-sede tal-Università. Eżatt wara, De Carlo ġie kkummissjonat mill-belt biex iħejji l-Pjan Regolatur Ġenerali (1958-1964) bl-għan li jiġi restawrat iċ-ċentru storiku tal-belt, li kien jinsab f'qagħda mwiegħra, speċjalment il-parti tal-għolja taħt is-sisien tal-Palazz Dukali. Din issaħħet bis-saħħa tal-finanzjament statali minn żewġ liġijiet speċjali ppromulgati għall-belt ta' Urbino (fl-1968 u fl-1982).
Sussegwentement, De Carlo wettaq diversi proġetti għall-Università, inkluż id-dormitorji tal-kulleġġ ħdejn il-knisja tal-Kapuċċini, eżempju interessanti ta' kif l-arkitettura tista' ssir ħaġa waħda mal-pajsaġġ tal-madwar. Lesta proġetti wkoll bħall-kostruzzjoni tal-Magisterium (1968-1976), ir-ristrutturar tal-fakultà tal-liġi (1966-1968) u l-binja Battiferri (1986-1999) għall-fakultà tax-xjenza ekonomika. Dawn huma tliet eżempji sinifikanti tal-inklużkoni ta' arkitettura kontemporanja f'ambjent antik, u għadhom jiġu studjati sa llum.
Fis-snin sebgħin tas-seklu 20 seħħ proġett imsejjaħ Operazione Mercatale b'kollaborazzjoni mal-Muniċipalità (1969-1972), li kien jinkludi l-kostruzzjoni ta' parkeġġ taħt l-art b'diversi sulari, taħt it-torrijiet żgħar famużi tal-Palazz Dukali, u r-restawr tar-rampa elikojdali ta' Francesco di Giorgio Martini (1971-1975) taħt it-teatru Sanzio. Mill-1977 sal-1982 ġie żviluppat ukoll il-proġett ta' rinnovazzjoni tat-teatru Sanzio kif ukoll il-proġett kontroversjali ta' rinnovazzjoni tal-istalel Dukali antiki. Barra minn hekk, bis-saħħa tar-relazzjoni mill-qrib ma' De Carlo, il-belt ospitat il-laboratorji tal-ILAUD darbtejn (fl-1976-1981, u fl-1992-1993), stabbiliti u diretti mill-arkitett.
Waħda mill-aħħar azzjonijiet ta' De Carlo kienet it-tħejjija, bejn l-1989 u l-1994, tal-Pjan Regolatur Ġenerali Ġdid.[14]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċentru storiku ta' Urbino sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba fl-aqwa żmien tagħha, Urbino attirat uħud mill-aqwa studjużi u artisti umanisti tar-Rinaxximent, li ħolqu kumpless urban eċċezzjonali ta' omoġenjetà notevoli li kienet influwenti għall-bqija tal-Ewropa; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Urbino hija rappreżentazzjoni ta' suċċess tal-arti u tal-arkitettura Rinaxximentali, adattati b'mod armonjuż għas-sit fiżiku u għall-prekursur Medjevali tal-belt b'mod eċċezzjonali.[2]
Persuni notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Bartolomeo Carusi, teologu u professur
- Battista Malatesta (1384-1448), poeta Rinaxximentali
- Bernardino Baldi, matematiku u kittieb
- Clorinda Corradi, kantant liriku (1804-1877)
- Crispino Agostinucci, isqof ta' Montefeltro
- Donato Bramante twieled fil-qrib u esperjenza x-xogħol ta' Laurana f'żgħożitu
- Elisabetta Gonzaga, Dukessa ta' Urbino (1471-1526)
- Federico Barocci, pittur
- Federico Commandini (1509), matematiku
- Federico III da Montefeltro, Duka ta' Urbino, mexxej Medjevali li ried li jkollu patroċinju tal-arti
- Federico Zuccari u Taddeo Zuccari, pitturi li twieldu fil-qrib
- Fernando Aiuti (1935), immunologu
- Francesco Puccinotti (1794-1872), patologu
- Giovanni Francesco Albani, il-Papa Klement XI
- Giovanni Santi, pittur u poeta, missier Raffaello, twieled fil-qrib
- Guidobaldo II Della Rovere, Duka ta' Urbino, ikkummissjona l-pittura tal-Venere ta' Urbino
- Muzio Oddi (1569-1639), matematiku, arkitett, inġinier militari, kittieb
- Ottaviano Petrucci, ivvinta l-istampar tal-mużika b'tipa immobbli, li twieled fil-qrib
- Paolo Volponi (1924-1994), kittieb u poeta
- Polydore Vergil jew Virgil, kronista fl-Ingilterra
- Raffaello Carboni, kittieb
- Raphael Gualazzi, pjanista tal-mużika jazz u kantant, ġie t-tieni fil-Festival tal-Eurovision tal-2011
- Raffaello, pittur; id-dar ta' familtu hija mużew fil-belt
- Umberto Piersanti, poeta u kittieb
- Valentino Rossi, motoċiklista li rebaħ diversi kampjonati dinjija tal-MotoGP
- Marica Branchesi, astrofiżiku
- Stefano Sensi, plejer tal-futbol
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Statistiche demografiche ISTAT". demo.istat.it. Miġbur 2021-03-12.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Urbino". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-12.
- ^ "INGV - DBMI04 - Consultazione per terremoto". emidius.mi.ingv.it. Miġbur 2021-03-12.
- ^ Franco Mazzini, Urbino - i mattoni e le pietre, Urbino, Argalia Editore, 2000, pp. 9-10, ISBN 88-392-0538-1.
- ^ Osborne, June (2003-10-01). Frances Lincoln Ltd (ed.). Urbino: The Story of a Renaissance City (bl-Ingliż).
- ^ Agnati, Ulrico (1999). L'ERMA di BRETSCHNEIDER (ed.). Per la storia romana della provincia di Pesaro e Urbino (bit-Taljan).
- ^ a b Franco Mazzini, I Mattoni e le Pietre d'Urbino, Argalia, Urbino, 1982.
- ^ Walter Tommasoli, La vita di Federico da Montefeltro 1422-1482, Argalia, Urbino, 1975, Riedizione 1995.
- ^ Joseph Cucco (ed.), Albani Pope and the Arts in Urbino and Rome from 1700 to 1721, Venice, Marsilio, 2007. ISBN 88-317-7862-5.
- ^ Walter Tommasoli, The Life of Federico da Montefeltro 1422-1482, Argalia, Urbino, 1975, Reissue 1995.
- ^ Raffaele Molinelli, Urbino, 1860, katalgu tal-wirja ta' Urbino fir-Risorgimento, STEU - Urbino 1961.
- ^ "Sassocorvaro, l'Arca dell'Arte – domani è un altro viaggio" (bit-Taljan). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-13. Miġbur 2021-03-12.
- ^ Ruggero Giacomini, Urbino 1943-44, Urbino, Argalia editore, 1970, p. 159.
- ^ Giancarlo De Carlo, Urbino - la storia di una città e il piano della sua evoluzione urbanistica, Marsilio Editore.