Subak
Is-subak hija s-sistema ta' ġestjoni tal-ilma (irrigazzjoni jew tisqija) għall-għelieqi tar-ross fil-gżira ta' Bali, l-Indoneżja. Ġiet żviluppata fis-seklu 9 W.K. Għaċ-ċittadini ta' Bali, l-irrigazzjoni mhux biss sistema li tipprovdi l-ilma għall-għeruq tal-pjanti. L-ilma jintuża wkoll għall-kostruzzjoni ta' ekosistema artifiċjali mtarrġa kumplessa.[1] Is-sistema tikkonsisti minn ħames għelieqi mtarrġa tar-ross u tempji tal-ilma li jkopru kważi 20,000 ettaru (49,000 akru). It-tempji huma l-qofol ta' din is-sistema kooperattiva tal-ġestjoni tal-ilma magħrufa bħala s-subak. Fl-2012, is-sistema tas-subak fil-pajsaġġ kulturali tal-provinċja ta' Bali ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala manifestazzjoni tal-filosofija tat-Tri Hita Karana.[2]
Rabta reliġjuża
[immodifika | immodifika s-sors]Is-subak hija sistema tradizzjonali ta' irrigazzjoni sostenibbli ekoloġikament li torbot lis-soċjetà agrarja ta' Bali flimkien fi ħdan iċ-ċentru komunitarju tal-villaġġ ta' Bale Banjar u t-tempji ta' Bali.[3] Il-ġestjoni tal-ilma taqa' taħt l-awtorità tal-patrijiet fit-tempji tal-ilma, li jipprattikaw il-filosofija tat-Tri Hita Karana, li hija relazzjoni awtodeskritta bejn il-bniedem, id-Dinja u l-allat. Il-filosofija tat-Tri Hita Karana tiġbor flimkien l-ispirtu, id-dinja umana u n-natura. Is-sistema kumplessiva tas-subak tħaddan dan il-prinċipju filosofiku. Ir-ritwali tat-tempji tal-ilma jippromwovu rabta armonjuża bejn in-nies u l-ambjent tagħhom permezz tal-involviment attiv tan-nies, b'kunċetti ritwalistiċi li jenfasizzaw id-dipendenza fuq forzi tad-dinja naturali li jsostnu l-ħajja. Ir-ross jitqies bħala don mingħand l-allat, u s-sistema tas-subak hija parti mill-kultura tat-tempji.
Sistema
[immodifika | immodifika s-sors]Il-komponenti tas-subak huma l-foresti li jipproteġu l-provvista tal-ilma, il-pajsaġġ imtarraġ tal-għelieqi tar-ross, l-għelieqi tar-ross ikkollegati flimkien permezz ta' sistema ta' kanali, mini u digi żgħar, il-villaġġi, u t-tempji ta' daqs u ta' importanza differenti li jimmarkaw is-sors tal-ilma jew it-tnixxija tal-ilma mit-tempju qabel ma jibqa' nieżel 'l isfel biex jisqi l-art tas-subak. Ir-ross, l-ilma meħtieġ għat-tkabbir tar-ross, u s-subak, is-sistema kooperattiva ta' kanali għall-kontroll tal-ilma, flimkien sawru l-pajsaġġ għal dawn l-aħħar eluf ta' snin. L-ilma mill-fawwariet u mill-kanali jnixxi mit-tempji u 'l isfel lejn l-għelieqi mtarrġa tar-ross. B'kollox, il-gżira ta' Bali għandha madwar 1,200 sistema ta' ġbir tal-ilma u bejn 50 u 400 bidwi li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-provvista tal-ilma minn sors wieħed tal-ilma. Is-sistema tas-subak hija magħmula minn ħames siti li joħorġu fid-dieher il-komponenti naturali, reliġjużi u kulturali interkonnessi tas-sistema tradizzjonali tas-subak.
It-tempji huma siti arkitettoniċi ispirati minn diversi tradizzjonijiet reliġjużi antiki, fosthom l-Induiżmu Shaiva Siddhanta u Samkhyā, il-Buddiżmu Vajrayana u l-kożmoloġija Awstroneżjana.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-6 ta' Lulju 2012, is-sistema tas-subak ta' Bali ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali ta' Pajsaġġ Kulturali tal-Provinċja ta' Bali: is-Sistema tas-Subak bħala Manifestazzjoni tal-Filosofija tat-Tri Hita Karana.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn ħames komponenti:
- il-Lag ta' Batur li huwa meqjus bħala l-oriġini aħħarija ta' kull fawwara u ta' kull xmara;
- it-Tempju Suprem tal-Ilma ta' Pura Ulun Danu Batur fit-tarf tal-lag vulkaniku tal-Muntanja Batur;
- il-pajsaġġ tas-subak tax-xmara Pakerisan bl-eqdem sistema ta' irrigazzjoni magħrufa f'Bali;
- il-pajsaġġ tas-subak ta' Catur Angga Batukaru bir-raba' mtarraġ imsemmi f'kitba mnaqqxa tas-seklu 10 W.K., b'hekk fost l-eqdem f'Bali u fost l-iprem eżempji tal-arkitettura klassika tat-tempji ta' Bali; kif ukoll
- it-Tempju Rjali tal-Ilma ta' Pura Taman Ayun, l-ikbar tempju tal-ilma reġjonali u l-iżjed wieħed distint arkitettonikament, peress li joħroġ fid-dieher l-ikbar espansjoni tas-sistema tas-subak taħt l-ikbar renju ta' Bali tas-seklu 17.[2]
Mużew
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1981, fir-Reġġenza ta' Tabanan fetaħ il-Mużew tas-Subak.[4]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Il-Lag ta' Batur.
-
It-Tempju ta' Ulun Danu Batur.
-
It-Tempju ta' Tirta Empul.
-
It-Tempju Rjali ta' Taman Ayun.
-
Statwi ta' Bali b'żennuna tal-ilma fil-vaska sagra ta' Goa Gajah.
-
L-għelieqi mtarrġa tar-ross ta' Tegalalang, Gianyar.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- J. Stephen Lansing, Priests and Programmers: Technology of Power in the Engineered Landscape of Bali Princeton University Press.
- "Balinese Water Temples Withstand Tests of Time and Technology" – National Science Foundation.
- Simulation Modeling of Balinese Irrigation (extract) by J. Stephen Lansing (1996).
- "The Impact of the Green Revolution and Capitalized Farming on the Balinese Water Temple System" by Jonathan Sepe (2000). Literature review.
- Direct Water Democracy in Bali.[5]
- Subak - A Sustainable System of Irrigation by Daniel Pratt (2016).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Lansing, J.S. (1987). "Balinese "Water Temples" and the Management of Irrigation". American Anthropologist. 89 (2): 326–341.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscape of Bali Province: the <em>Subak</em> System as a Manifestation of the <em>Tri Hita Karana</em> Philosophy". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-30.
- ^ "Subak - A Sustainable System of Irrigation". The Bali Retirement Villages (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-30.
- ^ Post, The Jakarta. "A thousand years on, can 'subak' survive?". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-30.
- ^ "Direct Water Democracy in Bali" (bl-Ingliż). 2009-12-05. Miġbur 2022-10-30.