Pawlu l-Appostlu
![]() |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
![]() |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi mtejjeb f'xi wħud minn dawn: il-grammatika, l-istil u/jew it-ton. Jista' jkun li dan l-artiklu, jew parti/jiet minnu, kienu tradotti b'mod awtomatiku jew b'għodda ta' traduzzjoni mekkanika. Inti tista' tagħti daqqa t'id billi timmodifikah kif meħtieġ. |
Pawlu l-Appostlu | |||
---|---|---|---|
![]() | |||
44 - | |||
Ħajja | |||
Isem propju | שאול התרסיu Saulus Tarsensis | ||
Twelid | Tarsu, c. 5 | ||
Nazzjonalità | Ruma Antika | ||
Residenza |
Tarsu Ġerusalemm Damasku Antioch (en) ![]() Salamis (en) ![]() Paphos (en) ![]() Antioch of Pisidia (en) ![]() Konya Lystra (en) ![]() Derbe (en) ![]() Alexandria Troas (en) ![]() Philippi Thessaloniki Veria (en) ![]() Ateni Corinth (en) ![]() Efesu Miletus (en) ![]() Tyre Acre Caesarea Maritima (en) ![]() Sidon (en) ![]() Myra (en) ![]() Kaloi Limenes (en) ![]() Siracusa Ruma | ||
Mewt | Ruma, 66 | ||
Kawża tal-mewt | piena kapitali (dekapitazzjoni) | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Grieg antik Ebrajk Grieg Koine Latin | ||
Għalliema |
Gamaliel (en) ![]() | ||
Studenti |
uri
| ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
kittieb teologu missjunarju religious figure (en) ![]() rabbi vjaġġatur artiġjan | ||
Xogħlijiet importanti | Epistoli Pawlini | ||
Influwenzat minn |
Gamaliel (en) ![]() Ġesù | ||
Festa | |||
12 ta' Lulju, 10 ta' Frar, 25 ta' Jannaru 18 ta' Novembru |
San Pawl l-Appostlu (oriġinarjament Sawl ta' Tarsu) jew Pawlu ta' Tarsu hu karattru prinċipali fl-iżvilupp u t-tixrid tal-Kristjaneżmu. Ħafna Nsara jarawh bħala interpretu eċċellenti tat-tagħlim tas-Sultan (Ġesù); isejħulu wkoll "l-Appostlu tal-Ġnus". Pawlu hu deskritt fit-Testment il-Ġdid bħala Lhudi u ċittadin Ruman minn Tarsu, u kien jippersegwita ħafna 'l-Insara qabel ma kkonverta fit-triq lejn Damasku.
Pawlu huwa meqjum bħala qaddis minn kull Knisja li tqim lill-qaddisin, jiġifieri l-Kattoliċi, l-Ortodossi u l-Anglikani, kif ukoll xi denominazzjonijiet Protestanti. Hu pprova, u rnexxielu jagħmel ħafna biex idaħħal il-Kristjaneżmu fost il-pagani. L-ittri tiegħu jamplifikaw u jfissru ħafna mit-tagħlim ta' Ġesù. Xi wħud jgħidu li kien hu li rnexxielu jbiddel il-Kristjaneżmu f'reliġjon, biex ma baqgħetx setta tal-Ġudaiżmu.
Għejun
[immodifika | immodifika s-sors]Il-figura ta’ San Pawl hi l-aktar waħda magħrufa fl-istorja tal-Knisja Nisranija. Tnejn huma l-għejun importanti li jagħtuna ħjiel dirett fuq l-hekk imsejjaħ "Appostlu tal-Ġnus": il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli u l-istess Ittri ta’ San Pawl. It-tnejn flimkien jagħtuna materjal kotran ta’ ġrajjiet li seħħew fi żmien determinat u f’ambjent storiku u ġeografiku magħruf. B’hekk l-istorja, il-ġeografija, l-arkeoloġija, l-istudju tal-ambjent soċjali, kulturali, politiku u reliġjuż ilkoll jgħinuna nifhmu min kien San Pawl, x’kien il-messaġġ li wassal u liema huma l-ġrajjiet prinċipali tal-ħajja tiegħu u l-karatteristiċi tal-personalità tiegħu.
L-Atti tal-Appostli
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-ktieb jitħaddet fit-tul u b’mod sistematiku fuq il-persuna ta’ San Pawl. Nofs il-ktieb huwa ddedikat għas-sejħa u għall-ħidma tal-Appostlu. L-awtur tiegħu huwa San Luqa, kollaboratur ta’ Pawlu, li jikteb ukoll fuq kif il-Kelma xterdet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, anki bil-ħidma wtieqa tal-Appostlu tal-Ġnus. Kiteb madwar is-sena 80 WK, snin wara li nkitbu l-Ittri ta’ Pawlu. Luqa għaġen flimkien il-ġrajjiet marbuta ma’ Pawlu: juri li l-Appostlu kien magħżul għal missjoni preċiża, dik li jwassal, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Vanġelu sa truf l-art. Mela Luqa fl-Atti jagħtina materjal li jintegra ruħu tajjeb ma’ dak li nsibu fl-Ittri biex nibnu l-ħajja ta’ Pawlu, il-ħidma u l-messaġġ tiegħu.
L-Ittri (Epistoli)
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ittri huma tlettax u jitqiesu bħala l-għajn prinċipali għall-messaġġ u t-teoloġija ta’ San Pawl, kif ukoll għajn indispensabbli biex nibnu l-ġrajjiet prinċipali tal-ħajja tiegħu. F’dawn il-kitbiet okkażjonali li jesprimu sikwit sitwazzjoni konkreta u l-bżonn tal-mument tad-diversi Knejjes u persuni li lilhom Pawlu jikteb u li fihom sikwit jiddefendi ruħu minn dawk li ħaduha kontrieh, huma għajn tajba ħafna biex nifhmu aħjar lil Pawlu. Juri min hu, kemm Kristu kien biddillu ħajtu fit-triq lejn Damasku, x’kien jemmen, u l-preokkupazzjoni kontinwa li kellu għall-Knejjes tiegħu. Il-ġabra tal-Ittri hija teżor kbir u fihom wieħed jilmaħ b’mod ċar l-iżvilupp tal-Knisja Nisranija fil-bidu bikri tagħha. Huma xhieda prezzjuża tad-djalogu miftuħ bejn l-Appostlu u l-Knejjes tiegħu. Joffrulna kuntatt ħaj u dirett mal-personalità tal-Appostlu tal-Ġnus, l-esperjenzi differenti tiegħu, il-messaġġ, u l-ħsieb intimu tiegħu.
Tfulija u Formazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Hu San Pawl innifsu li jiġbor fi ftit kliem l-identità tiegħu quddiem l-awtorità Rumana: “Jiena Lhudi, minn Tarsu taċ-Ċiliċja, ċittadin ta’ belt magħrufa” (Atti 21: 39). Pawlu twieled bejn is-sena 5 u 10 WK. “...twelidt fil-poplu ta’ Israel, mit-tribù ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud...” (Fil 3: 5); fit-tmien jum għamlulu ċ-ċirkonċiżjoni u semmewh Sawl ("mitlub minn Alla"), isem li ħa l-għamla Griega ta’ Saulos. Ingħata wkoll it-tieni isem, Paulus, bil-Latin, isem li juża l-Appostlu fl-Ittri tiegħu, u hekk ukoll jagħmel San Luqa minn Atti 13: 9 ’l quddiem.
Il-formazzjoni kulturali ta’ Pawlu seħħet skont il-ħsieb tal-Mishnah: beda jaqra l-Bibbja ta’ ħames snin, ta’ għaxra beda l-qari tal-Mishnah, ta’ tlettax kien obbligat għall-ħarsien tal-kmandamenti, u ta’ ħmistax beda l-istudju u l-qari tat-Talmud. Billi kien minn Tarsu, il-qari tal-Bibbja kien isir mill-verżjoni Griega tas-Septwaġint, li jfisser li studja tajjeb il-Grieg, minbarra l-Ebrajk u l-Aramajk biex seta’ jaqraha fl-ilsna oriġinali. Il-formazzjoni tiegħu kienet ikkumplimentata billi Pawlu tgħallem sengħa: dik li jagħmel it-tined.
Waħda mill-esperjenzi l-aktar importanti fil-formazzjoni ta’ Pawlu meta kellu daqs sittax-il sena ċertament kienet l-esperjenza akkademika tiegħu għal erba’ snin "f’riġlejn Gamaljel" (Atti 22: 3), mgħallem kbir, għaref u moderat. Fl-istudju tal-Liġi jidher li Pawlu, li kien Fariżew, għamel progress kbir, kif jistqarr hu stess, tant li sar bniedem tassew imħeġġeġ għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietu: (ara Gal 1: 13-14) “...tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirjietna” (Atti 22: 3); tant li ried jiddefendi l-Ġudaiżmu mit-theddida tal-fidi Nisranija fil-bidu tagħha (ara Atti 9: 1-2).
San Pawl "kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh" (Atti 8: 1) lil San Stiefnu. Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs. Bejn is-snin tal-formazzjoni tiegħu u s-sena tat-tħaġġir ta’ Stiefnu (ara Atti 7: 54-60) ma nafu xejn fuq il-ħajja ta’ Pawlu. Li nistgħu ngħidu huwa dan: anki jekk il-Ġudaizmu kien jinsisti ħafna fuq iż-żwieġ, ma għandniex ħjiel li Pawlu kien miżżewweġ (ara 1 Kor 7: 8). Jista’ jkun li Pawlu ma żżewwiġx biex jingħata kollu kemm hu għall-istudju tal-Liġi. Jekk Pawlu ltaqax ma’ Ġesù storiku nistgħu biss nagħmlu suppożizzjoni: hu probabbli li Pawlu telaq minn Ġerusalemm qabel ma Ġesù beda l-ministeru pubbliku tiegħu. Il-ħjiel li nsibu f’1 Kor 3: 1 u 15: 8, fejn Pawlu jitkellem fuq il-laqgħa tiegħu mal-Mulej, jirreferu għall-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku.
Il-Konverżjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Hi l-ġrajja l-aktar importanti fil-ħajja ta’ Pawlu. Fl-Ittri tiegħu qatt ma jagħti ħjiel dirett fuq din l-esperjenza. Hu jitkellem fuq esperjenza li biddlet bis-sħiħ il-ħajja tiegħu. Iżda ma jqishiex bħala esperjenza iżolata fil-ħajja tiegħu: Alla kien dejjem preżenti fl-eżistenza tiegħu u mexxieh fit-toroq providenzjali tiegħu sa minn ġuf ommu.
L-Atti tal-Appostli u l-Ittri ta’ Pawlu jirrakkuntaw din il-ġrajja fid-dawl tal-Vanġelu. F’Gal 1: 15-16 l-esperjenza ta’ Pawlu titqiegħed fil-kamp tal-ħatra appostolika tiegħu li tagħmel minnu ħabbar tal-Iben ta’ Alla fost il-ġnus. L-istess fl-Atti: wara l-viżjoni li kellu ta’ Kristu, Pawlu jirċievi l-mandat profetiku li jħabbar u jixhed għal Kristu (Atti 26: 17-18) "...quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Israel" (Atti 9: 15).
Hu mela l-Vanġelu li jbiddel lil Pawlu l-Lhudi mħeġġeġ, u jagħmel minnu Nisrani awtentiku, missjunarju u appostlu mimli entużjażmu, xhud profetiku u kurraġġuż tal-Imgħallem Irxoxtat.
Il-bidla li sseħħ f’Pawlu hija radikali: il-kuntatt tiegħu ma’ Kristu għamel minnu ħlejqa ġdida, persuna kwalitattivament u radikalment ġdida, kif jistqarr hu stess: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid;” (2 Kor 5: 17) u jżid li d-dawl ta’ Kristu idda fil-ħajja tiegħu: “Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam’, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4: 6).
Fejn qabel il-Liġi ta’ Mosè kienet il-ftaħir ta’ Pawlu, wara l-esperjenza fit-triq ta’ Damasku, Pawlu kellu jistqarr ukoll: “Ngħid għalija ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja” (Gal 6: 14).
Fil-ġrajja li sseħħ fit-triq ta’ Damasku, Pawlu jara l-milja tal-eżistenza tiegħu. Minn ġuf ommu Alla mexxieh lejn il-mument deċiżiv, mument li fih Kristu ħatfu u għamlu tiegħu għal dejjem (ara Fil 3: 12). Alla jbiddel l-eżistenza ta’ Pawlu: “Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu” (Fil 3: 7).
Nawfraġju f'Malta
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-60 AD, San Pawl u xi 274 nies oħra nawfragu f'Malta waqt li kienu qedin jaħarbu mir-Ruma. Il-festa tan-nawfraġju huwa fl-10 ta' Frar.
L-Ewwel Appostolat
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-ħatra tiegħu bħala Appostlu tal-Ġnus, Pawlu jistqarr lill-Galatin: "...minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jien mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku" (Gal 1: 16-17).
Pawlu probabbilment irtira għal ftit taż-żmien fir-reġjun semideżert tal-Għarabja, żona li tinkludi fiha l-Għarabja u parti mis-Sirja u l-Ġordanja tal-lum, u li kienet parti mis-Saltna tan-Nabatej, li mis-sena 4 sas-sena 40 WK kienet taħt il-ħakma tas-Sultan Areta. F’din iż-żona kien hemm preżenza ta’ djaspora Lhudija kbira. San Ġlormu jgħid li Pawlu mar fl-Għarabja biex jirrifletti u japprofondixxi l-ħatra tiegħu u l-esperjenza li kien għex fit-triq lejn Damasku. Kien il-mument li fih Pawlu seta’ jirrifletti sewwa fuq il-Mulej Ġesù, jikber fir-relazzjoni miegħu u jifhem ħajtu fid-dawl tal-Iskritturi Lhud li Pawlu tant kien jaf tajjeb. Kienet ukoll esperjenza li Pawlu jirreferi għaliha biex ikompli jsaħħaħ l-awtonomija tiegħu bħala Appostlu.
Lura f’Damasku, Pawlu "malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla" (Atti 9: 20). Il-predikazzjoni tiegħu qanqlet stagħġib fost l-Insara li faħħru lil Alla għal dan il-fatt: "...dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed iħabbar il-fidi li darba hu ried jeqred; u huma faħħru lil Alla minħabba fija" (Gal 1: 23-24). Il-bidla ta’ Pawlu saret motiv ta’ mibegħda tant li "wara li għadda ħafna żmien" (Atti 9: 23), "...tliet snin wara" (Gal 1: 18), "...il-Lhud ftiehmu li joqtlu lil Sawl" (Atti 9: 23). Il-Lhud dawru għal magħhom lill-gvernatur tas-Sultan Areta, li fis-sena 37 WK kien reġa’ kiseb minn Kaligola l-awtorità fuq Damasku, u dan qiegħed għassa mal-bibien tal-belt biex Pawlu ma jkunx jista’ jaħrab. Imma Pawlu sar jaf bil-ħsieb tagħhom u għalhekk "...darba billejl id-dixxipli tiegħu qabduh u niżżluh ġo qoffa..." (Atti 9: 25) "...minn tieqa fil-ħitan tal-belt..." (2 Kor 11: 33), ħaġa li aktarx kienet komuni fil-Lvant.
Tliet snin kienu għaddew mill-ħatra tiegħu bħala Appostlu tal-Ġnus sa dan il-lejl drammatiku.
Il-Laqgħa ma' San Pietru
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li jaħrab minn Damasku, fis-snin 37-39 WK, Pawlu jitla’ Ġerusalemm biex iżur lil Kefa (ara Gal 1: 18 u Atti 9: 26). Skont Pawlu, din il-laqgħa kienet qasira u privata: "...bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd ħlief lil Ġakbu, qarib il-Mulej" (Gal 1: 18-19).
It-test bibliku ma jgħid xejn x'qalu bejniethom Pietru u Pawlu. Hu possibbli li Pawlu tela’ Ġerusalemm biex iżur u jsir jaf lil dak li l-Knisja tal-bidu kienet tagħraf bħala l-ewwel fost l-Appostli u l-kap tal-komunità Nisranija (ara Atti 12: 1-20 u Gal 2: 8-9). Hu possibbli li Pawlu tkellem fuq l-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku u l-ħatra tiegħu bħala Appostlu għall-Ġnus, filwaqt li Pietru seta’ tkellem fuq ix-xhieda li kellu fuq Ġesù storiku. B’din iż-żjara, Pawlu jidħol f’kuntatt dirett mal-komunità Nisranija-omm tal-bidu. U dan mhux biex l-appostolat tiegħu jitwettaq imma biex ikun f’komunjoni mal-Knisja ta’ Ġerusalemm li kienet tippresjedi fil-karità fuq il-Knejjes l-oħra.
F’Ġerusalemm għenitu ħafna l-persuna ta’ Barnaba, anki hu ġej mill-Ġudaiżmu Elleniku, minn Ċipru, u forsi anki sieħeb ta’ Pawlu fl-iskola ta’ Gamaljel (ara Atti 9: 27).
F’Ġerusalemm, Pawlu ma setax dam ħafna għax il-predikazzjoni tiegħu malajr saret okkażjoni ta’ polemika mal-Lhud tad-djaspora li kienu fil-belt, tant li "...kienu jfittxu li joqtluh. Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu" (Atti 9: 29-30). Pawlu ma ħadhiex kontra din id-deċiżjoni (ara Atti 22: 17-21).
Hu Pawlu li jiddeskrievi x’għamel f’dan iż-żmien: "Imbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u taċ-Ċiliċja. Il-Knejjes ta’ Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; kienu semgħu biss lin-nies jgħidu li: 'dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed iħabbar il-fidi li darba hu ried jeqred'; u huma faħħru lil Alla minħabba fija" (Gal 1: 21-24). Aktarx li f’dal-kliem, Pawlu jiġbor żmien twil ta’ predikazzjoni. Probabbilment kellu l-bażi tiegħu f’Tarsu (ara Atti 11: 25) minn fejn seta’ jdur fil-Provinċja Rumana tas-Sirja-Ċiliċja biex jipprietka. Jidher li kellu suċċess, tant li l-predikazzjoni tiegħu saret mottiv ta’ tifħir lil Alla fil-knejjes tal-Lhudija.
L-istess Barnaba, mibgħut jorganizza l-komunità mħallta ta’ Antjokja (ara Atti 11: 19-24), riedu miegħu f’dan l-appostolat (ara Atti 11: 25-26). Il-kollaborazzjoni bejn Barnaba u Pawlu kellha twassal għal azzjoni missjunarja aktar wiesgħa fl-Asja Minuri u fir-reġjun tal-baċir tal-Mediterran.
Safar bla għadd
[immodifika | immodifika s-sors]Il-vjaġġi missjunarji ta’ San Pawl huma l-ġrajjiet l-aktar dokumentati tal-ħajja tiegħu. L-Atti tal-Appostli joffrulna xhieda ta’ min joqgħod fuqha fuq dawn il-vjaġġi, minkejja l-għamla skematika u attwalizzanti tagħhom.
L-espressjoni tat-tliet vjaġġi missjunarji tippreżentalna mhux biss l-itinerarju tas-safar ta’ Pawlu imma wkoll il-ġrajjiet prinċipali li tagħhom l-Appostlu hu protagonista importanti, bħalma huma l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, it-tilwima tiegħu ma’ Pietru f’Antjokja, ir-relazzjoni epistolari tiegħu u l-ġrajjiet li għaddewh minn Atjokja tas-Sirja, minn Ċipru, l-ibliet tal-Asja Minuri u tal-Greċja, sa Ruma u forsi anki sa Spanja.
Il-vjaġġi missjunarji tiegħu kienu megħjuna mill-ambjent storiku, politiku u kulturali tal-Greċja, tal-Asja Minuri u tal-Lvant ta’ żmienu. Qegħdin fi żmien it-tixrid tal-kultura Ellenistika u tal-qawwa politiko-militari Rumana. L-espansjoni imperjalistika ta’ Ruma ftit ftit ħakmet fuq is-saltniet il-kbar tal-Lvant li kienet organizzata fi provinċji. Hu għalhekk li fil-Lvant, Ruma saret sinjal ta’ għaqda, ta’ stabbiltà ekonomika u ġuridika filwaqt li ssawret għaqda kulturali, dik Ellenistika, bit-tifrix tal-lingwa Griega, u għaqda politika, dik Rumana.
Fil-vjaġġi appostoliċi tiegħu, Pawlu sab ir-riħ fil-qala’ b’din il-għaqda doppja. L-għaqda politika għenitu biex jieħu vantaġġ tal-Pax Romana, li tatu wkoll l-unur li jkun ċittadin Ruman. L-għaqda kulturali għenitu filli seta’ jitkellem bil-Grieg kull fejn mar, u seta’ jifhem il-mentalità kulturali u reliġjuża ġenerali taż-żmien. Is-sinkretiżmu reliġjuż qawwi msawwar mill-Ellenizmu tah l-okkażjoni jipprietka l-fidi Nisranija bil-miftuħ.
Vantaġġ ieħor li għenu fit-tixrid tal-messaġġ Nisrani kien is-sistema tat-toroq ta’ komunikazzjoni fuq l-art u fil-baħar, organizzata mill-Imperu Ruman. L-għaqda amministrattiva u kulturali kien irnexxielha toħloq komunikazzjoni relattivament faċli għaż-żmien. Id-distanzi, meqjusa bil-miljari, kienu jinkuraġġixxu lin-nies biex jivvjaġġaw b’sikurezza relattiva u b’xi programm imħejji minn qabel. Is-safar kien sar possibbli għal ħafna, minkejja d-diffikultajiet li kienu joffru t-temp, it-toroq qalb il-muntanji u l-biża’ tas-serq. U dan nistgħu ngħiduh ukoll għall-vjaġġi fuq il-baħar, minkejja li dawn kienu jsiru fl-istaġuni tajba bejn April/Mejju – Ottubru/Novembru.
Hu f’dan l-ambjent li jseħħu l-vjaġġi missjunarji ta’ Pawlu. Hu stess jisfrutta l-mument preżenti ta’ safar aktar faċli, imma mhux nieqes mit-tbatija: "...Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt...Tliet darbiet rajt il-għarqa... Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin... perikli fid-deżert, perikli fil-baħar... kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fil-għera!" (2 Kor 11: 23-28).
Il-vjaġġi lejn Ġerusalemm
[immodifika | immodifika s-sors]Pawlu jitkellem fuq żewġ vjaġġi prinċipali għal Ġerusalemm (ara Gal 1: 18 sa 2: 3): l-ewwel wieħed wara tliet snin, mill-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku u li fiha ried iżur lil Kefa; it-tieni vjaġġ wara erbatax-il sena, fejn probabbilment telaq mis-Sirja għall-Konċilju ta' Ġerusalemm.
L-Atti tal-Appostli jitkellem fuq tliet vjaġġi prinċipali lejn Ġerusalemm: l-ewwel wieħed, wara l-ħarba mill-belt ta’ Damasku (ara Atti 9: 26-30); it-tieni wieħed, flimkien ma’ Barnaba (ara Atti 11: 30) meta telqu minn Antjokja bil-ġabra għall-Knisja ta’ Ġerusalemm; u t-tielet vjagg għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 2-29).
Li jinteressana mhux tant in-numru tal-vjaġġi. Dan għaliex Pawlu wkoll jaċċenna għall-vjaġġ lejn Ġersusalemm bil-ġabra għall-Knisja f’Gal 2: 10 u f'1 Kor 16: 1-4 u Rum 15: 23-32. Liema ordni tal-vjaġġi għandna nżommu? Irridu nistqarru li jkollna nikkuntentaw irwieħna b’konkordanza bejn iż-żewġ għejun li għandna f’idejna. Dan għaliex Pawlu u Luqa jiktbu għal żewġ skopijiet differenti. Ngħidu aħna, fl-Ittra lill-Galatin, Pawlu jagħmel għażla soġġettiva għal skopijiet apoloġetiċi u ma jiktibx biex jagħtina kronaka eżatta tal-vjaġġi tiegħu. Nistgħu ngħidu biss li skont Gal 2: 10: "talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi." Pawlu jidher li qed juri li l-ġbir għall-Knisja ta’ Ġerusalemm u l-vjaġġ marbut miegħu saru wara l-Konċilju ta’ Ġerusalemm. Il-kronoloġija ta’ Pawlu hi aħjar. Dan meta nqabblu dak li jgħid Pawlu mal-Atti tal-Appostli, li ma jagħtuniex ordni kronoloġika tal-ġrajjiet imma żvilupp tematiku tal-istess ġrajjiet.
Probabbilment, mela, l-ordni tal-vjaġġi prinċipali għal Ġerusalemm hu l-ewwel vjaġġ li jsir wara tliet snin mill-esperjenza fit-triq ta’ Damasku, aktarx fis-sena 37-38 WK; it-tieni vjaġġ, li bħala skop kellu l-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 2-29), u li sar wara l-ewwel vjaġġ missjunarju. Qegħdin aktarx fis-sena 48-49 WK. F’Ġerusalemm, Pawlu u Barnaba jirrakkuntaw il-ġrajjiet li seħħew fl-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom (ara Atti 15: 3 - 12) u Pawlu jikkonferma l-ħatra tiegħu bħala Appostlu għall-Ġnus (ara Gal 2: 7-9). It-tielet vjaġġ ‘tal-ġabra’ (ara Atti 11: 30), li Pawlu jaċċenna għalih f’Gal 2: 10 u f'2 Kor 8-9, u li aktarx sar wara l-Konċilju f’data li mhux faċli li nippruvaw.
Aktarx li Luqa f’Atti 11: 30 jagħtina sommarju tal-ġbir perjodiku li kien isir għall-fqar ta’ Ġerusalemm, b’referenza għall-profezija ta’ Agabu f’Atti 11: 27-30.
L-Ewwel Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 13: 1-14:28)
[immodifika | immodifika s-sors]Wara sena ta’ ħidma flimkien f’Antjokja tas-Sirja, Pawlu u Barnaba, waqt ċelebrazzjoni liturġika, jinħatru għal missjoni ġdida fost il-pagani f’Ċipru u fl-Asja ż-żgħira. Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 45 WK.
Pawlu, Barnaba u Ġwanni-Marku rħewlha jevanġelizzaw fil-gżira ta’ Ċipru b’suċċess. Qasmu l-gżira kollha sa Pafos. Hawnhekk Pawlu, minkejja l-oppożizzjoni tas-saħħar Elimas Barjesu, irnexxielu jikkonverti għall-Kristjaneżmu lill-Prokonslu Ruman Serġju Pawlu.
Wara Ċipru, Pawlu u sħabu telqu bil-baħar minn Pafos u waslu Perga, fil-Pamfilja. Mill-Port ta’ Attalja komplew il-vjaġġ sakemm waslu Antjokja ta’ Pisidja. Hawn Ġwanni-Marku ħalliehom u mar lura Ġerusalemm. Fl-ewwel Sibt, Pawlu jagħmel diskors u jxandar lil Ġesù bħala l-Messija l-Imwiegħed. Is-Sibt ta’ wara, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-Proseliti twajba, marru ma’ Pawlu u Barnaba, u dawn ħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla (ara Atti 13: 42). Is-Sibt ta’ wara, ħafna mill-mexxejja Lhud ħaduha bl-aħrax kontra l-predikazzjoni ta’ Pawlu, tant li l-Appostlu kellu jistqarr: "Hekk kien meħtieg, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna sa nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej" (Atti 13: 46-47).
Pawlu u Barnaba waqfu fit-tul f’Antjokja ta’ Pisidja. Fl-aħħar tkeċċew minn hemm u huma komplew il-missjoni tagħhom f’Ikonju, il-belt ewlenija ta’ Likaonja. Anki hawn kien hemm min emmen u kien hemm min ħoloq oppożizzjoni. Għal darb’oħra kellhom jaħarbu u komplew il-missjoni tagħhom f’Listra fejn, għall-ewwel darba ż-żewġ Appostli ppritkaw direttament lill-pagani. Mal-fejqan ta’ magħtub, in-nies ħasbu li l-Appostli kienu l-allat Zews u Ermi li niżlu fosthom! Id-diskors li jagħmel Pawlu kellu jinqata’ ħesrem minħabba xi Lhud minn Antjoka u Ikonju ġew u tawh xebgħa ġebel!
L-Appostli marru Derbe u hemmhekk xandru l-Bxara t-Tajba f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli (ara Atti 14: 21).
Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom jibqgħu sħaħ fil-fidi. Minn Perga, fejn xandru wkoll il-kelma ta’ Alla, marru lura Antjokja. Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 49 WK. F’Antjokja laqqgħu lill-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani. Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli (ara Atti 14: 27-28). B’hekk intemm l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba.
Il-Konċilju ta' Ġerusalemm (ara Atti 15: 1-35)
[immodifika | immodifika s-sors]Waqt l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba, il-komunità ta’ Antjokja kellha tħabbat wiċċha mal-probema li ħolqu wħud mill-aħwa Nsara ta’ nisel Lhudi: "... imbagħad niżlu xi wħud mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: 'Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw' " (Atti 15: 1).
Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ. Pawlu kien fehem sewwa l-problema li kienu qed joħolqu: inħoloq ir-riskju li l-verità tal-Vanġelu (ara Gal 2: 5) titħassar. Pawlu fehem li dan l-atteġġjament żbaljat kien qed imiss direttament il-qalba tal-fidi Nisranija. Is-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-ħajja Nisranija ma tiġix mill-ħarsien tal-Liġi ta’ Mosè imma biss minn Kristu. Pawlu hawn iddefenda bis-sħiħ il-ħelsien li n-Nisrani għandu fi Kristu Ġesù. B’hekk l-Insara ta’ nisel pagan kif ukoll dawk ġejjin mir-reliġjon Lhudija ma kienu obbligati jħarsu l-ebda preċett tal-Liġi, imma kellhom jgħixu ta’ bnedmin ħielsa fi Kristu permezz tal-fidi li ssir fl-imħabba (ara Gal 5: 6).
F’Ġerusalemm, Pawlu u Barnaba, flimkien mal-Appostli u l-presbiteri u l-komunità tal-Knisja-Omm, iltaqgħu. Huma saħqu fuq il-konvinzjonijiet tagħhom billi ġabu bħala provi l-għemejjel kbar li Alla kien wettaq fl-appostolat missjunarju tagħhom. Pietru wkoll jitkellem u jinsisti li l-Bxara t-Tajba hija wkoll għall-pagani u jistqarr: "Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh? Wara kollox,aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù" (Atti 15: 10-11).
F’din il-laqgħa hu Ġakbu, li wara d-diskorsi ta’ Pawlu u Pietru, li jisħaq fuq il-għaqda tal-Knisja fit-tħabbir tal-Kerygma fundamentali tal-fidi. Fi Kristu, il-Knisja hi magħquda u minnu tieħu l-qawwa biex teħodha kontra l-iżbalji li qamu fil-Knisja tal-bidu, filwaqt li tħalli spazju biex il-kariżmi jitfissru b’mod vitali. Dan il-ħsieb ġabru Pawlu f’Gal 2: 7-10: "...meta raw li lili kien afdat ix-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus, bħalma kien lil Pietru fost il-Lhud... Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u ’l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b’sinjal ta’ ħbiberija bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-ġnus u huma fost il-Lhud; talbuna biss li, min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi."
It-tentattiv tal-"aħwa foloz" (ara Gal 2: 4) li jifridu l-Knisja spiċċa fix-xejn, u lkoll għarfu l-unika verità tal-Vanġelu fil-ħelsien tan-nisrani li jgħix permezz tal-Ispirtu fi Kristu (ara Gal 4: 4-6; 5: 1.13).
Ma’ tmiem il-Konċilju, Pawlu u Barnaba, il-kollaboraturi tagħhom, flimkien ma’ Ġuda Barsaba u Sila, mibgħuta mill-Knisja ta’ Ġerusalemm, reġgħu "niżlu Antjokja, laqqgħu 'l-ġemgħa u tawhom l-ittra, qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom. Ġuda u Sila, li kienu wkoll profeti, farrġu lill-aħwa u wettquhom b’ħafna kliem" (Atti 15: 30-32). Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja jgħallmu u jxandru l-Bxara t-Tajba tal-Kelma ta’ Alla. Kien aktarx f’dan iż-żmien li Pawlu, f’Antjokja, ċanfar lil Pietru għal imġibtu.
Aktarx għall-habta ta’ nofs is-sena 50 WK, Pietru mar Antjokja. Aktarx li ried jagħmel esperjenza ħajja tal-ħidma appostolika ta’ Pawlu u Barnaba fi ħdan komunità Nisranija mħallta. Hu wkoll kien diġà kellu esperjenza mal-Insara ta’ nisel pagan (ara Atti 10: 1-48) u hu wkoll kien "qiegħed jiekol mal-ġnus" (Gal 2: 12) waqt din iż-żjara fraterna. Niftakru li skont il-Liġi ta’ Mosè, il-Lhud ma kinux jieklu mal-pagani. Kienet il-fidi Nisranija li waqqgħet kull ħajt li kien jifred il-Lhud u l-pagani.
Iżda l-prudenza eċċessiva ta’ Pietru, ikkawżata mill-prezenza ta’ xi Lhud-Insara, ġagħlitu jwarrab milli jiekol mal-Insara ta’ nisel pagan. Il-konsegwenzi kienu gravi għax kien hemm oħrajn li għamlu bħalu! "Il-Lhud l-oħra bdew jimxu bl-uċuħ bħalu, u saħansitra Barnaba ħalla ruħu jitħajjar minnhom fil-wiri ta’ ħaġa b’oħra" (Gal 2: 13).
Dan qanqal dispjaċir fil-komunità Nisranija ta’ Antjokja, li f’Pietru raw bniedem dgħajjef, mhux kapaċi jkun koerenti għall-Kerygma ċentrali tal-fidi Nisranija – fi Kristu jintemmu d-differenzi razzjali, personali u reliġjużi.
Pawlu ħadha bl-aħrax kontra Pietru u l-kompromess mal-verità tal-Vanġelu (ara Gal 2: 14) u għamel diskors ċar u iebes li fih jiddefendi l-ġustifikazzjoni bil-fidi fi Kristu f’oppożizzjoni għall-opri tal-Liġi ta’ Mosè li bihom ebda bniedem ma hu ġġustifikat (ara Gal 2: 14-21). "Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort" (Gal 2: 11).
Pawlu ma jitkellimx fuq ir-reazzjoni u t-tweġiba ta’ Pietru iżda jidher li Pietru, wara li għaraf li l-ħafna prudenza umana setgħet twassal għall-kompromess tal-Vanġelu, reġa’ żamm ma’ dak li ntqal fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 6-11) u d-digriet appostoliku (ara Atti 19: 15-21). Dan ma kien bl-ebda mod xi impożizzjoni ta’ osservanza minima tal-Liġi, imma mod ta’ kif fil-prattika titħares bl-imħabba u l-għaqda bejn l-Insara ta’ nisel Lhudi u dawk ta’ nisel pagan fil-Knisja tal-bidu.
It-Tieni Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 15: 36-18:22)
[immodifika | immodifika s-sors]Din id-darba, Pawlu jitlaq flimkien ma’ Sila, wara li tlewwem ma’ Barnaba li mbagħad telaq jaħdem fil-gżira ta’ Ċipru. "Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq, wara li l-aħwa rrikmandawhom f’idejn il-ħniena tal-Mulej" (Atti 15: 40). U Pawlu, li dejjem kellu fi ħsiebu l-Knejjes li kien diġà waqqaf, "...dar is-Sirja u ċ-Ċiliċja kollha, iwettaq il-Knejjes" (Atti 15: 41). F’Listra, Pawlu ltaqa’ maż-żagħżugħ Timotju u sieħbu miegħu fil-missjoni tiegħu.
Pawlu mbagħad ħaseb biex jiftaħ il-qasam tax-xogħol tiegħu. Għal din ir-raġuni, huwa u Sila marru lejn il-Friġja u l-Galazja bl-intenzjoni li jilħqu xi belt importanti tal-provinċja Rumana tal-Asja Prokonsolari. Iżda Pawlu marad. Hu approfitta minn dan iż-żmien biex jevanġelizza l-inħawi tal-Galazja u jwaqqaf komunitajiet Insara ġodda (ara Gal 4: 13-14).
Fl-inħawi tal-Misja, ippruvaw jidħlu f’Bitinja, imma l-ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx. Għalhekk niżlu Troas. Alla jqawwi lil Pawlu permezz ta’ dehra u jurih fejn kellu jipprietka: "Billejl, Pawlu kellu viżjoni: ra’ raġel mill-Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: 'Ejja l-Maċedonja u għinna!' " (Atti 16: 9). Fi Troas, Pawlu jiltaqa’ ma’ Luqa, li kien jaf tajjeb il-Maċedonja u l-Greċja u jsir kollaboratur tiegħu.
Il-missjunarji jaslu fil-belt ta’ Filippi. Sinagoga ma kienx hemm imma fejn ix-xmara, fejn kienu ltaqgħu xi nisa jitolbu, hemmhekk il-grazzja tmiss lil Lidja, "...li tgħammdet, hi u l-familja tagħha..." (Atti 16: 15) u Pawlu u sħabu baqgħu jaħdmu mid-dar tagħha għal xi ftit xhur. Jidher li kien żmien li ħalla ħafna frott għax hawn Pawlu waqqaf komunità Nisranija ħajja, li tant ħabb (ara Fil 1: 3-11; 4: 10-20), u li għenitu fil-mumenti li l-aktar kellu bżonn. Wara li Pawlu keċċa spirtu ħażin li kien jaqra x-xorti permezz ta’ tfajla lsira, hu u l-kumpanija tiegħu jaqilgħu xebgħa u jintbagħtu l-ħabs! Luqa jirrakkonta kif inħelsu b’mod mirakuluż, miraklu li qanqal il-fidi fl-għassies li wkoll "...tgħammed hu u niesu kollha" (ara Atti 16: 30-34).
Minn Filippi, Pawlu u sħabu marru fil-belt ta’ Tessalonika. Pawlu hawn iħabbar il-fidi lil-Lhud u mbagħad lill-pagani, u wara li sab xogħol fil-belt, kien imur fis-sinagoga jxandar lil Kristu. Uħud emmnu, oħrajn ħaduha bl-aħrax kontra Pawlu u Sila. Hemmhekk damu tliet xhur, b’ħidma li ħalliet il-frott f’dawk li laqgħu minn qalbhom il-Kelma ta’ Alla (ara 1 Tess 2: 13). Minn hemm, Pawlu u sħabu kellhom jitilqu ħesrem minħabba l-oppożizzjoni tal-Lhud li ma emmnux.
Wara li Pawlu u sħabu telqu ħesrem minn Filippi, huma marru l-Berija fejn kien hemm kolonja Lhudija li, skont l-Atti, "...kienu nies ta’ qalb kbira aktar minn dawk ta’ Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu. Għalhekk ħafna minnhom emmnu, fosthom għadd ġmielu ta’ Griegi, irġiel kif ukoll nisa nobbli" (Atti 17: 11-12). Imma xi Lhud mibgħuta minn Tessalonika ġew jeħduha bl-aħrax ma’ Pawlu tant li l-Appostlu ntbagħat Ateni waħdu.
"Kemm dam Ateni jistenniehom" (lil Sila u lil Timotju), "Pawlu kien jinkedd fih innifsu jara l-belt mimlija idoli" (Atti 17: 16). F’Ateni, Pawlu kien imur fis-sinagoga jiddiskuti mal-Lhud u ddiskuta anki mal-Atenin fis-suq tal-belt. "Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: 'Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra' " (Atti 17: 32).
Wara dan, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. Hemmhekk issieħeb ma’ Akwila u Prixxilla u magħhom ħadem it-tined. "Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija" (Atti 18: 4-5). Ħafna Lhud ma aċċettawx il-messaġġ u għalhekk Pawlu baqa’ jaħdem, ixandar il-kelma lill-pagani għal sena u sitt xhur sħaħ. Il-Mulej saħħu b’dehra: "...La tibżax, imma tkellem u tiskotx, għax jiena miegħek, u ħadd mhu se jmidd idu fuqek biex jagħmillek ħsara; għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt" (Atti 18: 9-10).
Minn Korintu, Pawlu jikteb l-Ewwel u t-Tieni Ittra lit-Tessalonkin biex isaħħilhom il-fidi fit-tieni miġja tal-Mulej, u kif għandhom jishru u jitolbu fil-konkret ta’ ħajjithom.
Is-suċċess ta’ Pawlu f’Korintu qanqal il-għira tal-Lhud. Wara li ppruvaw jakkużawh bla suċċess quddiem il-Prokonslu Galljon, Pawlu baqa’ hemm fit-tul. Fi tmiem il-missjoni, flimkien ma’ Akwila u Prixxilla, infired mill-aħwa u rħielha bil-baħar lejn is-Sirja. Waqaf Efesu u hemm iddiskuta mal-Lhud fis-sinagoga u riduh jibqa’ hemm. Imma Pawlu ried jerġa’ lejn Antjokja.
Kienet il-ħarifa tas-sena 52 WK, u wara li sellem ukoll il-Knisja f’Ċesarija, wasal f’Antjokja meta kienet ix-xitwa. Dat-tieni vjaġġ missjunarju dam sentejn. Matulhom, Pawlu saħħaħ il-knejjes imwaqqfa fl-ewwel vjaġġ u fetaħ qasam ta’ xogħol ġdid fl-Maċedonja u l-Akaja.
It-Tielet Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 15: 23-20:38)
[immodifika | immodifika s-sors]Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 53 WK meta Pawlu jibda t-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu li, bħala skop aktarx li kellu l-belt ta’ Efesu. Huwa ma marx bil-baħar imma għażel it-triq it-twila fuq l-art biex jasal hemmhekk. Dan għamlu biex jerġa’ jżur il-knejjes tal-Galazja u l-Friġja, li hu kien waqqaf matul it-tieni vjaġġ missjunarju.
F’Efesu, Pawlu ltaqa’ ma’ grupp ta’ dixxipli li hu nduna li kienu laqgħu lil Ġesù bħala l-Messija Mwiegħed mingħajr ma kienu rċevew katekeżi Nisranija, il-Magħmudija fl-Isem ta’ Ġesù u t-tqegħid tal-idejn bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Hu għalhekk ħejjihom u għammidhom.
Wara li għal tliet xhur kien imur fis-sinagoga jxandar lil Ġesù lil-Lhud u wħud webbsu rashom, hu "...telaq minn magħhom, ġabar miegħu lid-dixxipli, u kien joqgħod jitkellem magħhom kuljum fl-iskola ta’ wieħed jismu Tirannu" (Atti 19: 9-10).
Pawlu nnifsu aktar tard jistqarr li l-attività tiegħu f’Efesu kienet intensa, meta jkellem il-presbiteri tal-Asja Prokonsolari f’Miletu (ara Atti 20: 17-38). Hu għallem b’impenn, fil-pubbliku u fil-privat, f’nofs ħafna perikli u billi hu nnifsu ħaseb għall-bżonnijiet tiegħu. Il-ħidma tiegħu damet ftit aktar minn sentejn. Flimkien ma’ Timotju u Erastu, li ntbagħtu fil-Maċedonja, Gaju u Aristarku, li ntbagħtu f'Kolossi, Laodikija u Ġerapoli, Pawlu waqqaf u saħħaħ il-knejjes tal-Asja Prokonsolari u għamel b’tali mod "...li dawk kollha li kienu joqogħdu fl-Asja, kemm Lhud u kemm Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej" (Atti 19: 10).
Kien proprju f’dan iż-żmien li Pawlu ħass il-bżonn li jikteb kemm lill-Insara ta’ Korintu kif ukoll lill-Insara tal-Galazja; lill-Korintin biex ma jitħalltux ma’ nies medhija fil-vizzju; ma jinqasmux f’partiti bejniethom u biex iwieġeb għal diversi kwistjonijiet prattiċi li l-istess Korintin talbuh jagħtihom kelma fuqhom ma’ ittra li kienu bagħtu ma’ Stefana, Akajku u Fortunat. Kiteb lill-Galatin biex jinsisti li Kristu biss huwa s-salvazzjoni waħdanija għan-Nisrani li, bil-qawwa ta’ twemminu, huwa ħieles. F’din l-istess ittra, Pawlu jagħmel apoloġija tal-appostolat tiegħu.
Il-ħidma ta’ Pawlu f’Efesu tintemm b’esperjenza qarsa: l-arġentiera ta’ Efesu, immexxija minn Demetriju, qajmu rvell kontra Pawlu. Hija opinjoni komuni li Pawlu daq il-ħabs f’Efesu. Probabbilment kienet esperjenza qasira li matulha, Pawlu jirnexxilu jikteb lill-Filippin biex isaħħaħhom fil-fidi u jroddilhom ħajr tal-għajnuna li bagħtulu. Sakemm telaq, reġa’ kiteb ittra oħra lill-Korintin miktuba "...b’għafsa ta’ qalb u bid-dmugħ..." (2 Kor 2: 4), ittra li ntilfet jew twaħħdet mat-Tieni Ittra lill-Korintin (li għandna f’idejna llum).
Malli ħalla Efesu, Pawlu telaq għal Troas minn fejn ried jasal sal-Maċedonja. Hemmhekk stenna lil Titu biex iġiblu aħbarijiet mill-Knisja ta’ Korintu. Meta ma sabux, telaq għal Maċedonja. Lil Titu sabu Filippi u wara li dan wassallu aħbarijiet tajba minn Korintu, ħejja ruħu biex jerġa’ jmur hemm billi kiteb it-Tieni Ittra lill-Korintin (li għandna f’idejna llum) u rega’ bagħatha ma’ Titu.
Wara li żar il-knejjes ta’ Filippi, Tessalonika u Berija, Pawlu ma damx fil-Maċedonja. "Huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien iħeġġeġ lid-dixxipli b’ħafna kliem" (Atti 20: 2). Sadattant wasal il-Greċja u sakemm stenna li jgħaddu t-tliet xhur tax-xitwa biex ikun jista’ jaqbad il-ġifen għas-Sirja, kiteb l-Ittra lir-Rumani. Din kellha sservi bħala tħejjija għall-vjaġġ li hu tant xtaq jagħmel biex iżur lil din il-komunità Nisranija.
Fir-rebbiegħa tas-sena 58 WK, meta minn Kenkre, Pawlu "...kien wasal biex jaqbad il-ġifen lejn is-Sirja, il-Lhud nasbu konfoffa kontra tiegħu, u għalhekk għamel il-ħsieb li jerġa’ lura u jgħaddi mill-Maċedonja" (Atti 20: 3). Wara li ċċelebra l-Għid f’Filippi, telaq għal Troas u hemm iltaqa’ mal-kollaboraturi tiegħu. Wara li mar Assos, sħabu tellgħuh fuq il-ġifen sakemm waslu Miletu. Billi ma riedx idum fl-Asja biex jasal Ġerusalemm għall-festa ta’ Għid il-Ħamsin, Pawlu bagħat lil sħabu jsejħu 'l-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu biex isellmilhom għall-aħħar darba (ara Atti 20: 13-17).
Id-diskors li jagħmel Pawlu f’Miletu jitqies bħala t-Testment Pastorali tiegħu. Huwa diskors li għandu ton kunfidenzjali u personali li jixhed għall-ispirtu uman u appostoliku tal-Appostlu tal-Ġnus. Fid-diskors tiegħu, Pawlu jitkellem fuq kemm kien ħadem fl-Asja Prokonsolari. Juri x-xewqa tiegħu li jitla’ Ġerusalemm, anki jekk kien jaf li kien sa jbati; jeħodha kontra l-għalliema foloz u jerħi l-Knisja f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu. "Kif temm jgħid dan, niżel għarkopptejh jitlob magħhom ilkoll. Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh" (Atti 20: 36-37).
Kemm f’Tir kif ukoll f’Ċesarija, l-aħwa ħeġġuh biex ma jitlax Ġerusalemm. Imma Pawlu kien deċiż u "...wieġeb: 'Għalfejn qegħdin tibku u tiksruli qalbi? Jiena lest biex, għall-isem tal-Mulej Ġesù, mhux biss jorbtuni f’Ġerusalemm, imma wkoll jagħtuni l-mewt.' Billi ma ried jisma’ b’xejn, aħna skitna u għidna biss: 'Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej!' " (Atti 21: 13-14).
Festi
[immodifika | immodifika s-sors]- 25 ta' Jannar (il-konverżjoni ta' San Pawl)
- 10 ta' Frar (Malta - In-nawfraġju ta' San Pawl f'Malta)
- 29 ta' Ġunju (l-Imnarja, festa ta' San Pietru u San Pawl)
- 18 ta' Novembru (dedikazzjoni tal-Bażilka ta' San Pietru u San Pawl)