Gżejjer Solovetsky
Il-Gżejjer Solovetsky (bir-Russu: Солове́цкие острова́) jew Solovki (bir-Russu: Соловки́) huma arċipelagu li jinsab fil-Bajja ta' Onega tal-Baħar l-Abjad, ir-Russja. Bħala diviżjoni amministrattiva, il-gżejjer huma inkorporati bħala d-Distrett tal-Oblast ta' Arkhangelsk, ir-Russja. Fi ħdan il-qafas tad-diviżjonijiet muniċipali, il-gżejjer huma inkorporati bħala l-Insedjament Rurali ta' Solovetskoye fi ħdan id-Distrett Muniċipali ta' Primorsky. Iċ-ċentru amministrattiv taż-żewġ diviżjonijiet huwa l-insedjament ta' Solovetsky, li jinsab fil-Gżira ta' Bolshoy Solovetsky. Kważi l-popolazzjoni kollha tal-gżejjer tgħix f'Solovetsky. Skont iċ-ċensiment tal-2010, id-distrett kellu popolazzjoni ta' 861 abitant.
Il-Monasteru ta' Solovetsky (li ġie stabbilit fl-1436), fl-1923 sar is-sit tal-ewwel stabbiliment ta' gulag, il-kamp tal-ħabs ta' Solovki.
L-arċipelagu fih erja totali ta' 347 kilometru kwadru (134 mil kwadru) u jikkonsisti minn sitt gżejjer:
- il-Gżira ta' Bolshoy Solovetsky, 246 km2 (95 mil kwadru);
- il-Gżira ta' Anzersky (Anzer), 47 km2 (18-il mil kwadru);
- Bolshaya Muksalma, 17 km2 (6.6 mili kwadri);
- Malaya Muksalma 0.57 km2 (0.22 mili kwadri);
- il-Gżira ta' Bolshoy Zayatsky, 1.25 km2 (0.48 mili kwadri);
- Maly Zayatsky, 1.02 km2 (0.39 mili kwadri).
Il-gżejjer jisseparaw il-Bajja ta' Onega mill-volum prinċipali tal-Baħar l-Abjad. L-eqreb art kontinentali hija l-Peniżola ta' Onega.
Ix-xtut tal-gżejjer fihom bosta qaliet u huma ffurmati minn diversi tipi ta' granit u ta' gness. Ir-riljiev tal-gżejjer huwa bl-għoljiet (l-ogħla punt huwa ta' 107 metri). Il-biċċa l-kbira tal-Gżejjer Solovetsky huma miksijin bil-foresti taż-Żnuber Skoċċiż u tal-Abit Norveġiż, li huma parzjalment mistagħdra. Hemm bosta lagi, li ġew magħqudin mill-patrijiet sabiex jiffurmaw network ta' kanali.
Karatteristika interessanti ta' dawn il-gżejjer huma l-labirinti tal-ġebel u ambjenti oħra tal-ġebel, speċjalment il-labirinti tal-ġebel tal-Gżira ta' Bolshoi Zayatsky. Dawn il-labirinti kienu tipiċi tat-Tramuntana tal-Ewropa, iżda kważi għebu għalkollox u issa l-Gżejjer Solovetsky għandhom fost l-aqwa fdalijiet eżistenti.
Monasteru
[immodifika | immodifika s-sors]Storikament il-gżejjer kienu s-sit fejn ġie stabbilit il-kumpless famuż tal-Monasteru Ortodoss Russu ta' Solovetsky. Ġie stabbilit f'nofs is-seklu 15 minn żewġ patrijiet mill-Monasteru ta' Kirillo-Belozersky. Sa tmiem is-seklu 16, l-abbazija kienet saret wieħed mill-iżjed sidien tal-art għonja u wieħed mill-iżjed ċentri reliġjużi influwenti fir-Russja.
Il-fortizza eżistenti u l-knejjes ewlenin tagħha nbnew bil-ġebel matul il-bidu tar-renju ta' Ivan it-Terribbli u ġew iddedikati lil San Filippu ta' Moska. Fil-bidu tax-Xiżma tal-Knisja Russa, il-patrijiet minnufih żammew mat-twemmin ta' missirijiethom u keċċew ir-rappreżentanti tal-ksar minn Solovki, u dan wassal għall-assedju ta' tmien snin kontra l-gżejjer mill-qawwiet tal-Ksar Alexis.
Matul il-perjodu imperjali kollu tal-istorja Russa, il-monasteru kien magħruf bħala fortizza b'saħħitha li rnexxielha tirreżisti kontra l-attakki barranin matul il-Gwerra Livonjana (is-seklu 16), iż-Żmien tal-Għawġ (is-seklu 17), il-Gwerra tal-Krimea (is-seklu 19), u l-Gwerra Ċivili Russa (is-seklu 20).
Fl-1974, il-Gżejjer Solovetsky ġew iddeżinjati bħala mużew storiku u arkitettoniku u bħala riżerva naturali tal-Unjoni Sovjetika. Fl-1992, il-Gżejjer Solovetsky tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO "bħala eżempju straordinarju ta' insedjament monastiku fl-ambjent inospitabbli tat-Tramuntana tal-Ewropa li joħroġ fid-dieher sew it-twemmin, il-qlubija u l-ħila tal-komunitajiet reliġjużi Medjevali aħħarin".[1] Illum il-ġurnata, il-Gżejjer Solovetsky jitqiesu bħala waħda mill-iżjed destinazzjonijiet li jattiraw lit-turisti fit-Tramuntana tar-Russja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless Kulturali u Storiku tal-Gżejjer Solovetsky ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gulag
[immodifika | immodifika s-sors]Wara r-Rivoluzzjoni ta' Ottubru, il-gżejjer saru magħrufa bħala s-sit tal-ewwel kamp tal-ħabs Sovjetiku (gulag). Il-kamp ġie inawgurat fl-1921, meta Vladimir Lenin kien għadu fit-tmun tar-Russja Sovjetika. Il-kamp ingħalaq fl-1939, lejliet it-Tieni Gwerra Dinjija. Sal-bidu tal-gwerra, kien hemm kamp tat-taħriġ tal-kadetti navali għall-Flotta Sovjetika tat-Tramuntana.[2]
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-gżejjer huma moqdija mill-Ajruport ta' Solovki. Hemm servizz regolari bl-ajru lejn Arkhangelsk, kif ukoll servizz bil-laneċ (fis-sajf biss) lejn Arkhangelsk, Kem u Belomorsk.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Brumfield, William. Solovki: Architectural Heritage in Photographs (Moscow: Tri Kvadrata, 2008). ISBN 978-5-94607-052-2. OCLC 255613915. In English and in Russian.
- Robson, Roy. Solovki: The Story of Russia Told Through Its Most Remarkable Islands (New Haven: Yale University Press, 2008). ISBN 9780300129601.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural and Historic Ensemble of the Solovetsky Islands". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-27.
- ^ Aleksandr Solzhenitsyn (1975). The Gulag Archipelago. Collins & Harvill Press. Vol. 2, Parti III, Kapitlu 2.