Aqbeż għall-kontentut

Assedju ta' Malta (1565)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Assedju ta' Malta

Il-wasla tat-Torok f'Malta
Data 18 ta' Mejju – 11 ta' Settembru, 1565
Post Malta
Belliġeranti
Imperu Ottoman Kavallieri ta' San Ġwann
Imperu Spanjol
Maltin
Kmandanti
Kızıl Ahmedli Mustafa Pasha
Piyale Pasha
Turgut Reis
Salih Reis
Uluç Ali Reis
Jean de Valette
Goncales de Medran
Melchior de Robles
Kurunell Mas
Mathurin Romegas
Saħħa
22,000-48,000 6,100-8,500
Korruti
<25,000-35,000 2,500 truppi
7,000 ċivil
500 skjav

L-Assedju ta' Malta, magħruf ukoll bħala l-Assedju l-Kbir seħħ fl-1565 meta l-Imperu Ottoman attakka l-Gżejjer Maltin li dak iż-żmien kienet taħt idejn il-Kavallieri ta' San Gwann. L-assedju dam kważi erba' xhur, bejn it-18 ta' Mejju sal-11 ta' Settembru 1565.

Fit-18 ta' Mejju 1565, il-flotta Ottomana mmexxija minn Mustafa Paxà, kmandant tal-armata u Pjali Paxà l-ammiral tal-flotta waslet qrib il-kosta ta' Malta. Minn hawn beda l-Assedju l-Kbir li dam sejjer għal 145 jum.

Wara l-waqgħa ta' Tripli, fl-1551, u l-attakk fuq Għawdex fl-istess sena, l-Ordni fittex li jikkonsolida d-difiża ta' madwar il-Port il-Kbir. Ġie deċiż li jinbnew postazzjonijiet difensivi ġodda. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Isla nbena l-Forti San Mikiel. u s-swar li jipproteġu l-Isla min-naħa li tħares lejn Kordin. Mal-Forti Sant'Iermu, li dak iż-żmien kien sempliċement torri żgħir, inbniet fortizza mdaqqsa li setgħet takkomoda ġwarniġjon ta' mitt suldat, u f'każ ta' gwerra anki aktar minn hekk. Il-perimetru tal-Birgu fuq in-naħa tal-Kalkara kif ukoll dak li jħares lejn in-Nofsinhar, ġew imdawra minn linja ta' difiża. Is-swar tal-Imdina u l-Kastell tar-Rabat, Għawdex tħallew f'idejn il-kunsilli amministrattivi rispettivi tagħhom biex ikunu rranġati mill-aħjar li setgħu.[1]

Sa mill-1557 kienu bdew jinxterdu x-xnigħat li t-Torok kienu se jattakkaw lil Malta.[2] Jekk mhux għal ħaġa oħra, dan l-attakk kellu jsir biex is-Sultan Tork jikkastiga u jrażżan l-Ordni ta' San Ġwann talli l-Kavallieri baqgħu jattakkaw il-bastimenti Torok u dawk Musulmani. Dawn l-atti ta' piraterija kienu jsiru biex l-Ordni ta' San Ġwann jaħtaf l-merkanzija, l-armi u l-iskjavi biex dawn jinbiegħu. It-tieni raġuni kienet li s-Sultan kien konxju li jekk Malta taqa' taħt idejh, l-Imperu Ottoman kien ikun għamel akkwist ieħor biex jikseb post strateġiku f'nofs il-Mediterran minn fejn il-qawwa Torka setgħet tattakka l-Punent tal-Ewropa, u għaldaqstant l-Imperu Spanjol.

Id-deċiżjoni finali mill-Porte Sublimi li jattakka lil Malta ttieħdet f'Ottubru 1564.[3] Diġà fl-ewwel xhur tal-1565, l-ispjuni tal-Ordni f'Kostantinopli kienu qed iwasslu informazzjoni lil De Valette, li kien hemm ħafna preparamenti għaddejja fl-arsenali u fit-tarzni tat-Torok, u għaldaqstant l-attakk fuq il-Gżejjer Maltin kien jidher wieħed imminenti. De Valette talab lil diversi mexxejja Insara, l-aktar lill-Imperatur Filippu II, u lill-Papa Piju IV, għall-għajnuna.[4] Huwa bagħat ukoll komunikazzjoni lill-Kavallieri kollha tal-Ordni ta' San Ġwann, imferrxa f'bosta pajjiżi, biex jiġu Malta sabiex jiddefendu l-interessi tal-Ordni.

Preparazzjonijiet għall-Assedju l-Kbir

[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-bidu ta' Mejju 1565, tmintax-il jum qabel ma beda l-assedju, l-Ordni ta' San Ġwann kien jista' jgħodd mad-9,000 suldat, bejn truppi merċenarji, voluntiera barranin u suldati Maltin. Mijiet ta' kavallieri tal-Ordni waslu Malta, u b'kollox dawn issa kienu jgħoddu mas-600. Sal-10 ta' Mejju, truppi Spanjoli, ġellieda professjonali (it-tercios), li kienu ntbagħtu minn Filippu II, waslu Malta wkoll.[5] Fl-ewwel jiem ta' Mejju, saru l-aħħar preparamenti biex il-Port u l-madwar ikunu protetti bl-aħjar mod, minkejja n-nuqqas ta' nies biex jaħdmu u l-finanzi stretti; bejn il-ponta tal-Isla u dik tal-Birgu ddendlet katina fil-baħar biex twaqqaf lix-xwieni tal-għadu milli jidħlu 'l ġewwa minn hemm lejn id-daħla ta' Bormla.[6] Ħarġet ordni biex il-merħliet kollha ta' madwar it-Tlett Ibliet jiddaħħlu wara s-swar tal-Birgu biex dawn ma jaqgħux f'idejn l-għadu.[7] Barra minn hekk, il-Forti San Mikiel u s-swar tal-Isla kellhom id-difiżi tagħhom rinfurzati b'diversi modi.[8]

Żbark tal-Forzi Torok - 18 ta' Mejju 1565

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-18 ta' Mejju, il-flotta Ottomana, magħmula minn bosta mijiet ta' bastimenti ta' kull għamla waslet qrib il-kosta ta' Malta. Din kienet qed iġġorr madwar 30,000 raġel. In-numru eżatt hu diskutibbli peress li xi storiċi kontemporanji tal-Assedju jsostnu li kienu aktar, filwaqt li oħrajn isostnu li dawn kienu inqas. Abbord dawn il-bastimenti kien hemm 'l fuq minn 6,000 Ġannizzaru (truppi ġellieda mill-aqwa), u 6,000 Sipahis (arċiera). Ma' dawn kien hemm gwerriera oħra, qaddiefa u eluf ta' awżiljari li kienu mqabbda jġorru l-provvisti. Dan apparti l-inġiniera li fost affarijiet oħra xogħolhom kien li jħaffru t-trinek tad-difiża u l-mini taħt l-art biex jippenetraw is-swar u jisploduhom. It-Torok kellhom ukoll erba' bażiliski, kanuni enormi li kienu jisparaw balal ta' 'l fuq minn 80 libbra.[9] Dawn it-truppi kollha kienu mmexxija minn Mustafa Paxà, il-kmandant tal-armata, u Pjali Paxà, il-kmandant tal-flotta.

Dakinhar tal-wasla tagħhom, madwar 3,000 suldat u oħrajn niżlu l-art, f'Marsaxlokk u f'Marsaskala. Dawn immarċjaw minnufih lejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Xi bastimenti żbarkaw it-truppi tagħhom fil-Bajja tal-Ġnejna.[10] Sal-20 ta' Mejju, il-bqija tat-truppi kienu niżlu kollha l-art, u sal-21 ta' Mejju twaqqaf arsenal ta' armi u munizzjon qrib iż-Żejtun. Il-maġġoranza tat-truppi ħaffew lejn il-Marsa fejn hemm armaw it-tined u stabbilew il-kwartieri prinċipali tagħhom. Oħrajn ippożizzjonaw ruħhom fuq l-Għolja ta' Santa Margarita, Bormla, u fil-pront immiraw il-kanuni tagħhom lejn il-belt ċkejkna tal-Birgu.

Tħejjijiet għall-attakk fuq il-Forti Sant'Iermu

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-jiem ta' wara, ammont imdaqqas ta' truppi telgħu lejn l-Għolja Sciberras iġorru magħhom kanuni kbar u żgħar. L-intenzjoni tat-Torok kien li l-assedju jibda billi jkun attakkat u mirbuħ il-Forti Sant'Iermu, u wara jattakkaw l-Isla u l-Forti Sant'Anġlu. B'hekk it-Torok setgħu jakkwistaw il-ponta strateġika ta' tarf din il-peniżola ħalli jdaħħlu u jirmiġġaw l-bastimenti tagħhom mingħajr biża' fil-Port ta' Marsamxett. Mill-ewwel bdew xi bumbardamenti żgħar fuq il-Forti Sant'Iermu.

Min-naħa tiegħu l-Ordni issa kien bagħat mal-400 suldat armat bl-azzarini u arkibusi biex isaħħu d-difiża tal-Fortizza. Sant'Iermu kien armat b'bosta kanuni ta' kull kwalità. Daqs sena qabel, l-Ordni kien bena ravellin lil hinn mill-fortizza, speċi ta' bastjun, fuq in-naħa ta' Marsamxett. Dan kien intenzjonat li minn fuqu d-difensuri ta' Sant'Iermu jisparaw bl-arkibusi lejn l-għadu qabel ma dan iqarreb lejn il-fortizza minn dawk in-naħat. Il-gwarniġġjon tal-Forti kien immexxi mill-gvernatur Fra Giovanni d'Eguaras.[11]

Jibdew l-attakki feroċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-28 ta' Mejju, bdew l-ewwel bumbardamenti massiċċi fuq Sant'Iermu, li damu sejrin sigħat sħaħ. Il-ħsejjes tal-kanuni damdmu lil kull min semagħhom u l-balal bdew bil-mod il-mod iwaqqgħu il-ħitan li jħarsu lejn l-għolja u lejn il-kanuni tal-għadu. Il-balal kienu jvarjaw minn dawk żgħar ta' 45 libbra (20 kilogramma) għal oħrajn ta' tmenin libbra u anki akbar.[12] F'mumenti minnhom il-bumbardamenti kienu jieqfu, biex mijiet ta' suldati Torok jassaltaw il-Forti b'taħlita ta' armi tal-idejn, fosthom arkibusi, lanez u vleġeġ. Xi wħud ġarrew is-slielem biex kif jaslu taħt il-fortizza dawn jittantaw jitilgħu mas-swar u jassaltaw lid-difensuri.

Fit-2 ta' Ġunju, il-kursar famuż, Turgut Rais, (magħruf ukoll bħala Dragut) żbarka f'Malta. Anki jekk Turgut ma kellu l-ebda rikonoxximent formali mis-Sultan Tork bħala mexxej, huwa tant kien magħruf għall-kapaċitajiet ta' gwerrier gwapp li mill-ewwel ġie rikonoxxut miż-żewġ mexxejja tal-assedju, Pjali Paxà u Mustafa Paxà bħala l-kap de facto. Dan anki għaliex iż-żewġ kmandanti kienu kelb u qattus fl-imġiba ta' bejniethom.

Fl-ewwel jiem tal-bumbardamenti, is-swar kienu diġà ġarrbu ħafna ħsara. Fil-lejl tat-3 ta' Ġunju, it-Torok, wara ħafna bumbardamenti, telgħu inkiss inkiss mas-sur tar-ravelllin li l-Ordni kien bena maqtugħ għalih b'ċerta distanza mill-forti, u bi ftit ġlied irnexxielhom jaħtfu dan il-post ta' diviża f'idejhom. B'konsegwenza ta' hekk it-Torok akkwistaw post vantaġġuż mill-aqwa biex ikomplu bl-assedju tagħhom fuq il-Forti Sant'Iermu. Sfortunatament meta nbena dan ir-ravellin apparti li ma kienx b'saħħtu biżżejjed biex jirreżisti l-attakki, kellu ċertu għoli li għalkemm tajjeb biex tispara minn fuqu lejn l-għadu fit-trunċieri, ġaladarba jaqa' f'idejn l-għadu, kien iservi ta' vantaġġ għall-għadu għax seta' jispara fuq id-difensuri wara s-swar. Bi ftit ta' żidied fuq ir-ravellin it-Torok bnew difiża fuq dan ir-armaw sistema ta' difiża vantaġġjuża biex minn hemm jisparaw fuq l-istess livell tas-suldati tal-Ordni. Il-Balliju de Negropont bin-nies tiegħu ħareġ minn wara s-swar biex jerġa' jieħu r-ravellin f'idejh iżda ma rnexxielux għax ir-ravellin issa kien miżgħud bil-Ġanissari.[13]

Matul il-ġranet ta' wara, il-bumbardamenti komplew ħraxu. Ma' dawn kien hemm bosta attakki mill-Ġannizzari. Magħhom kienu jimmarċjaw ukoll tat-tnabar, tat-trombi u dawk biċ-ċimbli, kulħadd jgħajjat u jwerżaq kemm jiflaħ biex iwerwru d-difensuri. In-numri kbar tagħhom, madankollu, ma kinux biżżejjed biex jirbħu lid-difensuri wara l-ħitan tal-fortizza. Konsegwentement, esposti kif kienu, in-numru tal-imwiet tagħhom kien enormi. Fjum minnhom, fl-10 ta' Ġunju, inqatlu daqs 1,000 Tork; filwaqt li fl-attakk tal-15 ta' Ġunju nqatlu madwar 400 suldat Tork; fis-16 ta' Ġunju 1,000 suldat ieħor tilfu ħajjithom, u fit-22 ta' Ġunju mietu daqs 2,000 ruħ u sfaw feruti mal-4,000 ruħ. Wieħed dejjem irid jiddubita kemxejn dawn iċ-ċifri esorbitanti għaliex min kien jikteb seta' kien qed jipprova jenfasizza l-eroiżmu u r-rebħiet tal-Ordni billi jesaġera n-numru tat-telfiet kbar tal-għadu.[14]

Skont l-istess storiċi kontemporanji tal-Assedju l-Kbir, id-difensuri wkoll sofrew bit-telf ta' suldati u ta' kavallieri tal-Ordni, biss dawn kien ċiefri ħafna iżgħar. Id-difensuri kienu jkunu rrinforzati minn truppi ġodda li De Valette kien ta' spiss jibgħat minn Sant'Anġlu biex ipattu għat-tellfiet. Madankollu, jum wara l-ieħor il-bumbardamenti u l-attakki tal-għadu bdew dejjem jiħraxu u jħallu l-effett tagħhom, u l-moral u l-enerġija fiżika tad-difensuri kienu qed jonqsu ġmielhom.

Fit-18 ta' Ġunju, waqt wieħed mill-bumbardamenti, Turgut Rais intlaqat f'nasu mit-tifrik li tar għal fuqu meta bomba laqtet blata fil-qrib. Hu miet ftit jiem wara, fl-istess jum li Sant'Iermu ntrebaħ mit-Torok.[15]

Fit-23 ta' Ġunju, lejlet il-festa ta' San Ġwann, sar attakk ieħor mit-Torok li dam sejjer erba' sigħat. Kien f'dan l-attakk enormi li wassal għat-telfa ta' Sant'Iermu. Il-Ġanizzari daħlu minn fuq it-tifrik tas-swar malajr u għelbu l-għadd żgħir ta' difensuri li kien għad fadal fuq saqajhom. Ħafna minn dawn is-superstiti kienu ġew maqtula fuq il-post waqt li oħrajn ittieħdu priġunieri u nbiegħu bħala skjavi.

L-assedju kollu fuq il-Forti Sant'Iermu kien dam mas-26 jum u sewa prezz għoli, kemm għall-għadu kif ukoll għall-Ordni. Jingħad li t-Torok tilfu mill-inqas 6,000 suldat, inkluż nofs l-unità tal-Ġannizzari. Min-naħa tal-Ordni, madwar 1,500 difensur, li kienu jinkludu 89 Kavallier tal-Ordni, kienu nqatlu.[16]

L-għada ta' din ir-rebħa, Ochali Fartas, kursar famuż mit-Tramuntana tal-Afrika li kien ukoll involut fl-assedju, baħħar lejn Tripli biex jakkwista aktar munizzjon, u biex jidfen il-ġisem ta' Turgut Rais.

Issa li l-bandiera Torka kienet qed tittajjar fuq il-Forti Sant'Iermu, u x-xwieni Torok kienu f'Marsaxmett, il-kmandanti setgħu jikkonċentraw fuq il-pjan li jmiss, l-attakk fuq il-Forti San Mikiel u l-Birgu.

Is-sokkors iż-żgħir

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt li t-Torok bdew jippreparaw biex jattakkaw l-Isla u l-Birgu, fit-2 ta' Lulju waslet armata ta' 700 mitt suldat minn Sqallija. Din kienet tikkonsisti minn suldati Spanjoli, Taljani, Sqallin 20 kanunier u 40 kavallier tal-Ordni, kollha immexxija mill-Kurunell Melchior de Robles. Mal-iżbark f'San Pawl il-Baħar, it-truppi mmarċjaw minnufih lejn l-Imdina. Imbagħad minn hemm De Robles mexxa lit-truppi tiegħu tul l-irdumijiet tan-Nofsinhar ta' Malta, biex jevita t-truppi Torok, għadda minn ħdejn Ħal Kirkop u aktar 'l isfel lejn il-Lvant biex fl-aħħar wasal il-Kalkara. Minn hemm it-truppi qasmu bid-dgħajjes għall-Birgu biex daħlu ġewwa s-swar minn passaġġ (sally port) illum magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu.[17]

Jibda l-attakk massiv fuq l-Isla

[immodifika | immodifika s-sors]

It-truppi Torok u l-bumbardiera bil-kanuni tagħhom, ħlief għal xi ftit, irtiraw minn fuq l-Għolja Sciberras u marru lura fil-kamp prinċipali tagħhom il-Marsa. Issa l-inġiniera bdew iħaffru t-trinek ta' difiża u jiffurmaw pjattaformi għall-kanuni fuq l-għolja ta' Kordin, ftit mijiet ta' metri biss 'il bogħod minn naħa tal-Punent tal-Isla, kif ukoll ħejjew irwieħhom fuq l-għoljiet periferiċi ta' Bormla. Ġewwa, lejn l-Marsa bdew jitniżżlu mal-100 dgħajsa ta' ċertu kobor fil-baħar bi tħejjija għall-attakk kontra l-Isla minn dik in-naħa. Sadanittant kienu bdew xi bumbardamenti fuq l-Isla.

De Valette kien ħalla id-difża tal-Forti San Mikiel u tal-Isla f'idejn il-kavallieri tal-Lingwa Taljana, taħt il-kmand ta' Pietro del Monte, (l-istess kavallier li wara l-mewt ta' De Vallette laħaq Gran Mastru). Bejn il-Birgu u l-Isla tqiegħed pont magħmul minn twavel tal-injam marbutin, jgħumu f'wiċċ l-ilma biex minn fuqhom ikunu jistgħu jaqsmu t-truppi tal-Ordni f'kull ħin kif meħtieġ.

L-ewwel attakk kbir fuq l-Isla mit-Torok seħħ fil-5 ta' Lulju u wara dan kien hemm oħrajn. Fil-15 ta' Lulju, eluf ta' Ġanizzari rikbu d-dgħajjes mill-Marsa u qaddfu lejn l-Isla. Il-bumbardiera Torok fetħu n-nar kemm mill-għolja ta' Kordin kif ukoll mill-għoljiet ta' Bormla. Id-difensuri sparaw tiri ta' kanuni fuq id-dgħajjes li kienu qed joqorbu, u rnexxielhom jgħerrqu lil ħafna minnhom. Bosta mill-Ġannissari li kienu fuqhom inqatlu f'dan l-attakk qabel ma setgħu jinżlu l-art. Fl-istess ħin truppi Torok oħra avviċinaw il-Forti San Mikiel min-naħa tal-art, l-aktar bħala manuvra finta biex ifixklu l-attenzjoni tad-difensuri mill-attakk ta' fuq il-baħar. Daqs għaxra mid-dgħajjes il-kbar tal-Ġannizzari qaddfu lejn il-ponta tal-Isla, dik il-parti li tħares lejn il-Birgu biex jippruvaw iqaċċtu l-katina li kienet taqsam il-bajja ta' Bormla. Biss hawn sabu lil stakkament ta' suldati taħt il-kmand ta' Fra de Guiral moħbija taħt is-swar li sparaw għal fuqhom u qatlu ħafna mill-Ġannizzari.[18]

Bi tweġiba għal dan l-attakk feroċi, De Valette bagħat lil Kaptan Romegas u uffiċjali oħra bis-suldati tagħhom lejn l-Isla. Dawn qasmu minn fuq il-pont li kien inbena ftit qabel fil-baħar u ppustjaw ruħhom fuq is-swar qrib il-fortizza ta' San Mikiel. Kien dan il-kontinġent u dak ta' De Guiral li salvaw is-sitwazzjoni għax it-Torok kienu qegħdin minn fuq.

Il-bumbardamenti wara dakinhar ma waqfu xejn. Mit-22 sas-27 ta' Lulju kuljum seħħu aktar bumbardamenti feroċi oħra fuq l-Isla. Ma' dan kien hemm ieħor għaddej fuq il-Birgu. Intużaw erbatax-il batterija minn fuq l-għoljiet ta' madwar dawn is-swar. Bejniethom it-Torok kellhom mas-60 kanun ta' kull tip. Dawk ta' fejn is-San Salvatur fuq l-għoljiet tal-Kalkara kienu qed jattakkaw lis-swar li jħarsu lejn il-Kalkara, magħrufa bħala Ta' Kastilja.

Issa, l-inġiniera Torok bdew ukoll jittantaw iħaffru mina taħt is-swar tal-Isla, qrib fejn kien ippożizzjonat De Robles bit-truppi tiegħu, bl-intenzjoni li jisplodu l-isplussivi u jtajru s-swar. It-tħaffir baqa' għaddej għal ġranet sħaħ, iżda eventwalment, id-difensuri ndunaw x'kien qed jiġri u dawn ħaffru mina oħra min-naħa tagħhom biex ilaqqgħuha ma' dik tat-Torok u jattakkawhom minn hemm.[19]

Attakki fuq l-Isla u l-Birgu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bumbardamenti kostanti mit-Torok kienu kbar mhux biss fuq l-Isla iżda wkoll fuq il-Birgu. Mid-9 ta' Lulju, it-Torok kienu bdew jisparaw bil-kanuni tagħhom minn fuq l-Għolja tas-Salvatur (mhux wisq 'il bogħod minn fejn illum nafuh bħala Bighi). Bejn it-22 ta' Lulju u s-27 ta' Lulju żdiedu bil-kwantità u bl-intensità l-attakki fuq il-Birgu u l-Isla. Fit-2 ta' Awwissu, it-Torok nedew attakk ta' bosta sigħat fuq il-Forti San Mikiel. Dakinhar mietu madwar 600 suldat Tork filwaqt li d-difensuri tilfu 40 ruħ.

Għal darb'oħra, fis-7 ta' Awwissu, 12,000 suldat attakkaw kemm is-swar tal-Isla kif ukoll dawk tal-Birgu simultanjament. F'din il-ġurnata, De Valette b'kontinġent żgħir mar personalment jgħin lid-difensuri fuq il-post ta' Kastilja biex jgħin għax l-għadu li kienu għoddu għeleb lis-suldati difensuri. Il-ġlied baqa' sejjer mad-disa' sigħat.

F'daqqa waħda, mingħajr ħadd ma jaf għaliex, it-truppi Torok bdew jirtiraw mill-front u jaħarbu lura lejn il-Marsa. Kulħadd baqa' mbellaħ b'dan l-aġir għax l-għadu kien minn fuq. Mingħajr ma ħadd induna, armata magħmula minn mitt suldat fuq iż-żwiemel immexxija mill-kavallier tal-Ordni Mesquita, u daqs mitt suldat tal-infanterija mmexxija mill-kavallier de Lugny kienu niżlu fil-kamp Tork li dak il-ħin kien nieqes mis-suldati għassiesa. Il-qawwa tal-Ordni ħasdet lil kulħadd u qatlet bosta suldati li kien hemm fil-kamp, l-aktar dawk li kienu qed jirkupraw mill-feriti. Fl-attakk, il-qawwa tal-Imdina tat in-nar lit-tined. It-truppi Torok ta' madwar l-Isla u l-Birgu raw id-dħaħen tan-nar u malajr daħħluha f'rashom li kienet waslet armata mdaqqsa minn Sqallija. Fil-ġenn tal-mument it-truppi Torok abbandunaw il-pożizzjonijiet vantaġġużi li kienu kisbu u ġrew lura lejn il-Marsa. Meta sabu dik il-ħerba fil-kamp tagħhom, bħala tpattija t-Torok telgħu bil-gwarniġġjoni tagħhom lejn ir-Rabat biex jattakkaw l-Imdina. Biss, meta waslu hemm il-kanuni tas-swar tal-Imdina fetħu n-nar fuqhom u dawn malajr kellhom jerġgħu lura minn fejn ġew. [20]

Matul ix-xahar kollu ta' Awwissu seħħu aktar bumbardamenti u attakki tal-infanterija fuq is-swar tal-Birgu u tal-Isla. Il-parti tas-swar tal-Isla fejn kienu stazzjonati t-truppi ta' De Roble u s-swar ta' Kastilja fil-Birgu kienu l-aktar li sofrew. De Roble nnifsu ntlaqat minn tir ta' arkibus u miet. Kien hemm diversi tentattivi biex jitħaffru mini taħt is-swar taż-żewġt ibliet iżda d-difensuri ta' fuq is-swar indunaw bihom u attakkaw lill-invażuri fil-ħin biex jisfrattawlhom il-pjanijiet tagħhom li jisplodu l-fortizzi. Wieħed mill-agħar attakki seħħ fl-20 ta' Awwissu.

Fit-30 ta' Awwissu, Mustafa Paxà ordna attakk massiv ieħor fuq l-Isla. Dan ukoll spiċċa fix-xejn. Wara dan l-attakk ma sarux attakki oħra kbar u l-qawwa tal-Ordni baqgħet wara s-swar tistenna. Kien bħallikieku ż-żewġ għedewwa għejjew u issa bdiet tmurilhom il-ħeġġa li jkomplu jiġġieldu.[21]

Wasla tas-sokkors il-kbir - Irfigħ tal-Assedju

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-fatt hekk ġara. Sal-aħħar ta' Awwissu, il-moral tat-Torok kien qed imajna ġmielu. Uħud mill-ġenerali Torok kienu qatgħu qalbhom li l-assedju kien se jintemm b'suċċess. Mument minnhom, madwar 60 mirkeb Tork dehru jabbandunaw l-assedju u parpru 'l hinn. Mustafa baqa' jsostni li l-assedju għandu jitkompla. Iżda t-truppi Torok kienu qed ibagħtu minn nuqqas ta' munizzjon u provvisti tal-ikel, kif ukoll mis-sħana oppressiva ta' Awwissu.[22]

Finalment, fis-7 ta' Settembru, l-armata l-kbira ta' Don Garcia de Toledo magħmula minn madwar 10,000 suldat waslet Malta. Dawn bdew minnufiħ neżlin l-art fil-Bajja tal-Mellieħa. Bħalma għamlet il-qawwa ta' qabilhom f'Lulju, it-truppi mmarċjaw immedjatament lejn l-Imdina u stazzjonaw ruħhom barra s-swar, fir-Rabat. Ladarba t-truppi żbarkaw, ix-xwieni vojta Nsara salpaw 'il barra mill-Port il-Kbir biex juru lil De Valette li l-għajnuna militari tant mistennija kienet waslet; fl-istess ħin, De Toledo ried juri lill-għadu li issa kien hawn forza militari li wieħed kellu jibża' minnha u li l-għadu issa kien aħjar għalih li jdabbar rasu 'l hemm. Il-bastimenti ta' De Toledo mbagħad baħħru lura lejn Sqallija.[23]

Din il-wirja ta' saħħa kellha l-effett mixtieq. L-għada, it-8 ta' Settembru, il-kmandanti Torok ordnaw lit-truppi tagħhom biex iżarmaw it-tined u jimmarċjaw lejn l-Għolja Sciberras, apparentement bi tħejjija biex jimbarkaw abbord ix-xwieni tagħhom li kienu rmiġġati fil-Port ta' Marsamxett. B'hekk l-assedju fuq il-bliet tal-port imbagħad twaqqaf.

Madankollu, wara ftit, deher li kienet saret bidla fil-pjanijiet. Fil-11 ta' Settembru, il-bastimenti Torok telqu minn Marsamxett mingħajr wisq truppi abbord, u baħħru tul il-kosta tal-Majjistral lejn San Pawl il-Baħar. Dan kien ifisser li l-kmandanti beżgħu li l-flotta tista' tinqabad f'Marsamxett taħt il-mira tal-kanuni tiegħu tal-għadu mill-art. It-truppi Torok għalhekk abbandunaw l-Għolja Sciberras u mmarċjaw fl-istess direzzjoni tal-Majjistral. Jidher li l-ġenerali Torok ma ridux jiġu mrekkna fuq il-peniżola tal-Għolja ta' Sciberras mill-armata ta' Don Garcia. It-Torok għażlu t-terren aktar miftuħ u għalhekk qorbu lejn l-għoljiet tan-Naxxar fejn setgħu jżommu l-aħjar pożizzjoni. B'dan il-mod kienu wkoll qed joqorbu lejn ix-xwieni tagħhom li issa setgħu jgħabbu lit-truppi minn San Pawl il-Baħar.

Il-kmandanti ta' Don Garcia raw dak li kien qed jiġri mis-swar tal-Imdina u ddeċidew li jinżlu minnufiħ biex jattakkaw lit-Torok. Kontinġent militari mdaqqas mmarċja 'l isfel lejn il-Mosta tul il-pjanuri baxxi biex wasal qrib in-Naxxar. Hawnhekk seħħ konfront militari mdemmi. It-truppi Spanjoli u Taljani li kienu għadhom mimlijin b'enerġija u b'entużjażmu mill-ġlied avvanzaw faċilment u attakkaw minnufih. It-Torok eżawriti u demoralizzati ma damux ma bdew jirtiraw b'mod diżordinat, bosta minnhom billi jaqbżu l-ħitan tas-sejjieħ biex jiġru kemm jifilħu lejn ix-xwieni tagħhom sabiex jimbarkaw u jdabbru rashom.

Dakinhar stess billejl, l-armata Torka, jew aħjar dak li kien fadal minnha, salpat bil-moħbi minn San Pawl il-Baħar fid-direzzjoni ta' Istanbul. Bastimenti oħra ħadu r-rotta lejn in-Nofsinhar biex jirritornaw fil-bażijiet tagħhom fit-Tramuntana tal-Afrika.[24]

L-istoriċi kontemporanji ta' dan l-assedju sostnew li matul l-assedju, it-Torok tilfu sa tliet darbiet in-numru tas-suldati Maltin u l-kavallieri tal-Ordni. Xorta waħda, l-Ordni u l-Maltin magħhom kienu ġarrbu telfiet kbir.

Wara l-Assedju

[immodifika | immodifika s-sors]

Issa kien wasal iż-żmien li l-Gran Mastru u s-segwaċi tiegħu jiddeċiedu jekk jerġgħux jibnu l-fortifikazzjonijiet imfarrka jew jabbandunawx lil Malta darba għal dejjem. Wara l-pożizzjoni erojka u r-rebħa miksuba, l-Ordni kien imħeġġeġ mill-mexxejja tal-pajjiżi Nsara, l-aktar mill-Papa u mill-Imperatur Filippu ta' Spanja, biex il-kavallieri jibqgħu f'Malta. Dan għaliex l-assedju wera kemm kienet importanti il-preżenza tal-Ordni, u d-difiża ta' Malta minn xi attakk tat-Torok fin-Nofssinhar tal-Ewropa. Id-deċiżjoni finalment ittieħdet minn De Valette u sħabu li l-Ordni għandu jibqa' Malta. Biss, biex jagħmlu hekk kien meħtieġ li kemm jista' jkun malajr tinbena fortizza enormi biex tipproteġi kemm il-Port il-Kbir kif ukoll dak ta' Marsamxett. Hekk sar u bis-saħħa ta' hekk inbniet belt ġdida li saret tissejjaħ il-Belt Valletta, il-belt kapitali l-ġdida ta' Malta.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Bonello Giovanni, 'Unpublished Document from Ragusa about the Great Siege of Malta', Histories of Malta, Mysteries and Myths.
  • Bonello Giovanni, 'An Overlooked eyewitness's account of over the Great Siege'. Histories of Malta - Versions and Diversions.
  • Bradford Ernle, The Shield and the Sword - The Knights of Malta. Fontana Books. 1972.
  • Bradford Ernle, The Great Siege - 1565. Penguin. 1970.
  • Bonello Givoanni, 'German Soldiers for the Great Siege', The Sunday Times of Malta, April 6, 2008.
  • Bonello Giovanni, 'Great Siege, small morsels', Histories of Malta, Vol. 9 - Confessions and Transgressions.
  • Cassar George, The Great Siege, 1565 - Separating fact from fiction. Sacra Militia Foundation.2005.
  • De Giorgio Roger, A City by an Order. Progress Press Co. Ltd. 1985.
  • Ellul Joseph, 1565 - The Great Siege of Malta. Studiografik Ltd / Gutenberg Press.
  • Ellul Michael, Fort St Elmo - Malta - A brief history. Progress Press. 1988.
  • Lockhead Ian C., 'A pictorial account of the Siege of Malta'. Flair, no 27. May 2010.
  • Pickles Tim, Malta 1565 - Last Battle of the Crusades Osprey Publishing Ltd. 1988.
  • Stephen Spiteri, The Great Siege - Knights vs Turks - mdlxv. Gutenberg Press. 2005.
  • Thake Robert, 'A large unexplored account of the Great Siege'. Treasures of Malta, No. 52, il-Milied 2018, Vol. 11, No. 1. Patrimonju Malti.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order (bl-Ingliż). Valletta: Progress Press. pp. 37–59.
  2. ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order. p. 56.
  3. ^ Spiteri, Stephen C. (2005). The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv (bl-Ingliż). Tarxien: Gutenberg. p. 37.
  4. ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order. pp. 54–56.
  5. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 95, 96, 99.
  6. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 40.
  7. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 446.
  8. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 229.
  9. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 24.
  10. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 39.
  11. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 140.
  12. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 147–151.
  13. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 159.
  14. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 201.
  15. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 208.
  16. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 215–217.
  17. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 241–242.
  18. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege Knights vs Turks mdlxv. pp. 251–261.
  19. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 280–287.
  20. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 377–384.
  21. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 442.
  22. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 436–440.
  23. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 492–501.
  24. ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 504–515.