Aqbeż għall-kontentut

FIFA

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fédération Internationale de
Football Association
Mottu For the Game. For the World.
Tip Organizzazzjoni sportiva
Kwartieri ġenerali Żvizzera Żurigu, Svizzera
Sħubija 208 assoċjazzjoni nazzjonali
Lingwi uffiċjali Ingliż, Ġermaniż, Franċiż, Spanjol, Taljan
President Sepp Blatter
Sit elettroniku www.fifa.com

Il-Fédération Internationale de Football Association (bil-Franċiż għal Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċazzjoni tal-Futbol), magħrufa aħjar bħala l-FIFA (pronunzjata /fifə/ jew /fifæ/), hija l-federazzjoni internazzjonali li tieħu ħsieb il-futbol. Il-kwartieri ġenerali tagħha jinsabu f'Żurigu, l-Iżvizzera u l-president attwali huwa Joseph Blatter. Il-FIFA hija responsabbli għall-organizazzjoni u t-tmexxija tal-kompetizzjonijiet importanti tal-futbol, bl-aktar waħda magħrufa tkun it-Tazza tad-Dinja, li ilha ssir mill-1930.

Il-FIFA għandha 208 assoċjazzjoni membru, li hi sittax iktar mill-Ġnus Magħquda.

Il-bżonn ta' organizzazzjoni waħda li tħares il-logħba dinjija dehret evidenti speċjalment fil-bidu tas-seklu 20 bil-popolarità ta' logħbiet internazzjonali tkompli teskala. Il-FIFA ġiet fundata f'Pariġi fil-21 ta' Mejju 1904; l-isem u l-akronimu bil-Franċiż għadhom jeżistu sal-lum il-ġurnata, anke barra minn pajjiżi li ma jitkellmux il-Franċiż. L-ewwel president kien Robert Guérin.

Il-FIFA ippresidiet l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tagħha fl-1906, imma din ma tantx intlaqgħet b'approvazzjoni jew suċċess. Din, flimkien ma' fatturi ekonomiċi, wasslet għas-sostituzzjoni ta' Guérin ma' Daniel Burley Woolfall mill-Ingilterra, li kienet diġà assoċjazzjoni membru. It-turnew segwenti li ġie ospitat kien dak tal-futbol fl-Olimpjadi tas-sajf 1908 f'Londra, fejn kien aktar ta' suċċess, minkejja l-preżenza ta' futbolers professjonisti, ħaġa li ma kinitx konformi mal-prinċipji oriġinarji tal-FIFA.

Is-sħubija tal-FIFA kibret 'il barra mill-Ewropa bl-applikazzjoni tal-Afrika t'Isfel fl-1909, l-Arġentina u ċ-Ċili fl-1912, u l-Kanada u l-Istati Uniti fl-1913.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, b'ħafna futbolers jintbagħtu fuq il-front tal-gwerra u l-possibilità ta' vjaġġar għal partiti internazzjonali kienet severament limitata, kien hemm ftit logħbiet internazzjonali u s-sopravivenza ta' din l-organizzazzjoni kien punt esklammativ kbir. Fi tmiem il-gwerra, wara l-mewt ta' Woolfall, l-organizzazzjoni ġiet immexxija mill-Olandiż Carl Hirschmann. Grazzi għalih il-FIFA ma ġietx xolta, però għall-prezz tal-irtirar tal-Home Nations (tar-Renju Unit) li saħqu li ma kinux lesti li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet internazzjonali flimkien mal-għedewwa riċenti tagħhom fil-Gwerra Dinjija. Il-Home Nations aktar tard reġgħu reġġgħu lura s-sħubija tagħhom.

Il-mappa tad-dinja bis-sitt konfederazzjonijiet.

Il-FIFA hija assoċjazzjoni stabbilita taħt il-Liġijiet tal-Iżvizzera. Il-kwartieri ġenerali jinsabu f'Żurigu.

Il-Kungress tal-FIFA hu magħmul minn rappreżentant minn kull federazzjoni affiljata. Il-Kungress jassembla sessjonijiet ordinarji darba fis-sena waqt li s-sessjonijiet straordinarji jsiru meta jkun hemm il-bżonn; qabel dawn it-tipi ta' sessjonijiet kienu jsiru darba fis-sena sa mill-1998. Il-Kungress biss jista' jgħaddi xi proposti ta' tibdil lill-FIFA.

Dan il-kungress jeleġġi l-President tal-FIFA, is-Segretarju Ġenerali u l-membri l-oħra tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA. Il-President u s-Segretarju Ġenerali huma nkarigati mill-amministrazzjoni ta' kuljum. Kumitati oħra fi ħdan il-FIFA huma l-Kumitat tal-Finanzi, il-Kumitat tad-Dixxiplina, il-Kumitat tar-Referis, etċ.

Minbarra dawn l-istituzzjonijiet, il-FIFA ħolqot konfederazzjonijiet li jieħdu ħsieb il-logħba tal-futbol f'kontinenti u reġjunijiet differenti. Il-federazzjonijiet nazzjonali, u mhux il-konfederazzjonijiet kontinentali, huma membri tal-FIFA. Il-federazzjonijiet nazzjonali jridu jitolbu biex jiġu affiljati kemm mal-FIFA kif ukoll mal-konfederazzjoni fejn il-pajjiż tagħhom hu residenti (ġeografikament) biex b'hekk ikunu jistgħu jikkwalifikaw għad-dħul fil-kompetizzjonijiet tal-FIFA. Din hija l-lista tal-konfederazzjonijiet:

     AFC – Asian Football Confederation fl-Asja u l-Awstralja
     CAF – Confédération Africaine de Football fl-Afrika
     CONCACAF – Confederation of North, Central American and Caribbean Association Football fl-Amerika ta' Fuq u fl-Amerika Ċentrali
     CONMEBOL – Confederación Sudamericana de Fútbol fl-Amerika t'Isfel
     OFC – Oceania Football Confederation fl-Oċeanja
     UEFA – Union of European Football Associations fl-Ewropa

Xi pajjiżi kellhom l-għażla li jagħżlu f'liema konfederazzjoni jikkompetu minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Bħala riżultat, numru ta' pajjiżi transkontinentali li jinkludu r-Russja, l-Armenja, it-Turkija, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja għażlu li jkunu parti mill-UEFA minkejja li parti sostanzjali minn pajjiżhom tinsab fl-Asja. L-Iżrael, allavolja jinsab kollu kemm hu fl-Asja, ingħaqad mal-UEFA fl-1994, wara snin li t-timijiet tal-futbol tiegħu kienu bbojkotjati minn minn diversi pajjiżi tal-AFC. Il-Każakistan mexa mill-AFC għall-UEFA fl-2002. L-iktar pajjiż riċenti li għamel bidla fil-konfederazzjoni hi l-Awstralja li bidlet iż-Żona Oċeanika ma' dik Ażjatika f'Jannar tal-2006.

Il-Gujana u s-Surinam minn dejjem kienu parti mill-konfederazzjoni tal-CONCACAF, minkejja li huma pajjiżi Sud-Amerikani.

Il-FIFA tirrikonoxxi 208 assoċjazzjoni nazzjonali u t-tim nazzjonali tal-irġiel rispettiv tagħhom, kif ukoll 129 tim nazzjonali tan-nisa (ara l-lista ta' timijiet nazzjonali tal-futbol u l-kodiċi tal-pajjiżi rispettivi tagħhom). Fatt kurjuż huwa li l-FIFA għandha iktar membri mill-Ġnus Magħquda minħabba li l-FIFA tirrikonoxxi numru ta' entitajiet li mhumiex sovrani bħala pajjiżi distini, fosthom l-erba' Home Nations fi ħdan ir-Renju Unit. Il-klassifika dinjija tal-FIFA toħroġ kull xahar u telenka t-timijiet nazzjonali skont il-prestazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet internazzjonali, fażijiet ta' kwalifikazzjoni u logħob ta' ħbiberija. Hemm ukoll il-klassifika dinjija femminili tal-FIFA għat-tim nazzjonali tan-nisa, li tiġi aġġornata erba' darbiet fis-sena.

Regolamenti tal-logħba

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Regoli tal-logħba tal-futbol.

Ir-regoli tal-logħba li jmexxu l-logħba tal-futbol mhumiex biss responsabilità tal-FIFA; huma huma responsabilità ta' organizzazzjoni li ġġib l-isem ta' IFAB (International Football Association Board). Il-FIFA għandha erba' rappreżentanti f'dan il-bord, bl-erba' membri l-oħra jkunu provduti mill-assoċjazzjonijiet tal-futbol fl-Ingilterra, l-Iskozja, il-Galles u l-Irlanda ta' Fuq, bħala rikonoxximent tal-kontribuzzjoni unika fil-kreazzjoni u l-istorja tal-logħba. Il-bidliet proposti jgħaddu biss meta maġġoranza ta' sitta minn tmienja japprovaw il-proposta.

Presidenti tal-FIFA

[immodifika | immodifika s-sors]
Isem Nazzjonalità Perjodu
1. Robert Guérin  Franza 1904–1906
2. Daniel Burley Woolfall  Ingilterra 1906–1918
3. Jules Rimet  Franza 1921–1954*
4. Rodolphe Seeldrayers  Belġju 1954–1955
5. Arthur Drewry  Ingilterra 1955–1961
6. Stanley Rous  Ingilterra 1961–1974*
7. João Havelange  Brażil 1974–1998*
8. Sepp Blatter  Żvizzera 1998–

* tindika li t-titlu ta' President Onorarju kien mogħti wara l-presidenza.

Rikonoxximenti u unuri tal-FIFA

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-FIFA, kull sena, tagħti l-unur tal-Plejer tas-Sena lill-aktar futboler maskili u femminili prestiġjuż tas-sena, bħala parti minn ċeremonja annwali fejn fiha jingħataw ukoll l-unuri għat-timijiet u anki għal xi ħidma speċjali fix-xena tal-futbol internazzjonali.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f'għeluq il-mitt sena fl-2004, il-FIFA organizzat "Il-Parita taċ-Ċentinarju" bejn Franza u l-Brażil, l-aktar timijiet b'suċċess f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin. F'din l-okkażjoni, Pelé, għamel lista ta' fost l-aqwa plejers ta' kull żmien. Din il-lista, il-FIFA 100, tinkludi 50 futbolers li kienu għadhom attivi meta ġiet ippubblikata l-lista (waħda minnhom kienet mara), u 75 plejer irtirat (fejn inkluda lilu nnifsu u mara, imma ma inkludiex plejers li m'għadhomx ħajjin). Il-lista oriġinarjament kienet ippjanata għal 100 futboler però Pelé ħassha tqila biex jagħżel mija biss u allura semma 125 plejer.

  • Paul Darby, Africa, Football and Fifa: Politics, Colonialism and Resistance (Sport in the Global Society), Frank Cass Publishers 2002, ISBN 0-7146-8029-X
  • John Sugden, FIFA and the Contest For World Football, Polity Press 1998, ISBN 0-7456-1661-5
  • Jim Trecker, Charles Miers, J. Brett Whitesell, ed., Women's Soccer: The Game and the Fifa World Cup, Universe 2000, Revised Edition, ISBN 0-7893-0527-5

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]