Aqbeż għall-kontentut

Polonnaruwa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Polonnaruwa
 Sri Lanka
Amministrazzjoni
RepubblikaSri Lanka
Province of Sri LankaProvinċja Ċentrali u tat-Tramuntana
Ġeografija
Koordinati 7°56′N 81°00′E / 7.93°N 81°E / 7.93; 81Koordinati: 7°56′N 81°00′E / 7.93°N 81°E / 7.93; 81
Polonnaruwa is located in Sri Lanka
Polonnaruwa
Polonnaruwa
Polonnaruwa (Sri Lanka)
Demografija
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+5:30
bliet ġemellati Kunming

Poḷonnaruwa (bis-Sinhala: පොළොන්නරුව, b'ittri Rumani: Poḷonnaruva; bit-Tamil: பொலன்னறுவை, b'ittri Rumani: Polaṉṉaṟuvai), magħruf ukoll bħala Pulathisipura u Vijayarajapura fil-qedem, huwa r-raħal prinċipali tad-Distrett ta' Polonnaruwa fil-Provinċja Ċentrali u tat-Tramuntana tas-Sri Lanka. Ir-raħal modern ta' Polonnaruwa huwa magħruf ukoll bħala r-Raħal Ġdid, u l-parti l-antika ta' Polonnaruwa fiha l-fdalijiet tal-belt irjali tal-qedem tar-Renju ta' Polonnaruwa.

It-tieni l-iżjed antik fost ir-renji kollha tas-Sri Lanka, Polonnaruwa ġie stabbilit l-ewwel bħala post militari mir-renju Singaliż.[1] Ingħata l-isem ta' Jananathamangalam mid-dinastija Ċola wara li nrexxielhom jinvadu l-belt kapitali ta' dak iż-żmien, Anuradhapura, fis-seklu 10. Il-Belt Antika ta' Polonnaruwa tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Ir-raħal modern ta' Polonnaruwa għaddej minn proġett kbir ta' żvilupp magħruf bħala l-"Qawmien ta' Polonnaruwa", imbottat mill-eks President Maithripala Sirisena. Dan il-proġett iħaddan l-iżvilupp tas-setturi kollha f'Polonnaruwa, inkluż it-toroq, l-elettriku, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent.

L-oriġini tal-isem "Polonnaruwa" mhux magħrufa.[3] L-isem bit-Tamil, Pulainari, jissemma fl-inċiżjonijiet bit-Tamil tad-dinastija Ċola li nstabu f'Polonnaruwa.[4] L-isem x'aktarx li kien taqsira tal-isem tal-qedem Pulastya nagara jew Pulatti nakaram, li tfisser belt tal-għaref Induista Pulastya.[5][6]

Ir-raħal ingħata isem ieħor taħt ir-renju taċ-Ċola bħala Jananathapuram jew Jananathamangalam.[7][8] Iktar 'il quddiem ir-raħal sar magħruf bħala Vijayarajapuram kif imsemmi fir-reġistri ta' Jayabahu I, li x'aktarx irriżulta minn isem Vijayabahu I.[9]

Polonnaruwa għandu maġġoranza Singaliża. Il-Musulmani jiffurmaw it-tieni l-ikbar grupp. Barra minn hekk hemm ukoll għadd żgħir ta' Tamil tas-Sri Lanka u Tamil Indjani. Fost il-minoranzi hemm ukoll il-Burgher u l-Malażjani.

Etniċità skont l-istatistika tar-raħal ta' Polonnaruwa (2012)

[immodifika | immodifika s-sors]
Etniċità skont l-istatistika tar-raħal ta' Polonnaruwa
Popolazzjoni Persentaġġ
Singaliżi 68.31 %
Musulmani 30.10 %
Tamil tas-Sri Lanka 0.85 %
Tamil Indjani 0.10 %
Oħrajn 0.05 %

Sors: statistics.gov.lk[10]

Polonnaruwa għall-ewwel ġie stabbilit bħala post militari mir-renju Singaliż. Id-dinastija Ċola biddlet l-isem għal Jananathamangalam wara li nrexxielha tinvadi l-pajjiż fis-seklu 10. Raja Raja Chola I bena l-Vanavan Mahadevisvaram, tempju ddedikat lil Xiva f'Polonnaruwa u tah isem ir-reġina tiegħu, li attwalment hija magħrufa bħala Siva Devale. Fost l-oħrajn it-tempju kien fih statwi tal-bronż ta' Ganexa u ta' Parvati. Il-partijiet tat-Tramuntana u ċentrali tas-Sri Lanka f'dan il-perjodu kienu taħt ir-renju ta' Rajendra Chola I, direttament bħala l-provinċja taċ-Ċola. Madankollu, wara l-1070 W.K. ir-renju taċ-Ċola fil-gżira ntemm, u Polonnaruwa nħataf minn Vijayabahu I ta' Polonnaruwa, magħruf ukoll bħala Vijayabahu l-Kbir.

Minn Mahanagakula fin-Nofsinhar tax-xmara Walawe, Vijayabahu bagħat tliet armati biex jattakkaw lil Polonnaruwa minn tliet naħat. Armata ntbagħtet tul ix-xatt tal-Punent tal-pajjiż lejn il-port ta' Mahathittha biex tlaħħaq ma' kwalunkwe rinfurzar min-Nofsinhar tal-Indja. Iktar 'il quddiem, parti minn din l-armata ċċaqilqet lejn Polonnaruwa u attakkat mill-Majjistral. It-tieni armata ntbagħtet mil-Lvant, qasmet Magama u attakkat lil Polonnaruwa mil-Lvant. It-tielet armata, li kienet ukoll il-qawwa prinċipali, avvanzat minn naħa għall-oħra tal-pajjiż, immexxija mir-re. Imdawra minn dawn it-tliet armati, il-belt ta' Polonnaruwa ġiet assedjata għal seba' xhur qabel ma l-forzi tar-re Vijayabahu daħlu fil-belt. Fl-1070, Vijayabahu sar il-mexxej ta' Polonnaruwa. Dak iż-żmien is-Sri Lanka kienet magħrufa bħala Thambapanni.

Il-kummerċ u l-agrikoltura ffjorixxew taħt il-patroċinju tan-neputi famuż tar-Re Vijayabahu I ta' Polonnaruwa, ir-Re Prakramabahu l-Kbir, li kien rigoruż biex jekk jista' jkun l-ebda qatra li taqa' mis-smewwiet ma tinħela u li l-ilma kellu jintuża għall-iżvilupp tal-art. B'hekk, matul ir-renju ta' Parakramabahu nbnew sistemi tal-irrigazzjoni ferm iktar superjuri minn dawk ta' żmien Anuradhapura – sistemi li sal-lum għadhom jipprovdu l-ilma meħtieġ għall-kultivazzjoni tal-għelieqi tar-ross matul l-istaġun qalil tan-nixfa fil-Lvant tal-pajjiż. L-ikbar fost dawn is-sistemi hija l-Parakrama Samudra jew il-Baħar ta' Parakrama li kienet tintuża wkoll bħala ankraġġ għall-vapuri l-kbar li kienu jgħaddu mix-xmara ta' Mahaweli. Ir-Renju ta' Polonnaruwa kien awtosuffiċjenti għalkollox matul ir-renju tar-Re Parakramabahu.

Bl-eċċezzjoni tas-suċċessur tiegħu, Nissankamalla I, il-monarki l-oħra ta' Polonnaruwa ma kellhomx daqshekk rieda qawwija u kemm-il darba kien ikollhom il-ġlied fi ħdan il-qorti tagħhom stess. Barra minn hekk iffurmaw iktar alleanzi matrimonjali ma' renji iktar b'saħħithom tan-Nofsinhar tal-Indja sakemm dawn ir-rabtiet matrimonjali ħadu post in-nisel irjali lokali. Dan qanqal invażjoni mill-ġellied tad-dinastija Aryacakravarti, Kalinga Magha, fl-1214, li wasslet għall-qerda sħiħa tal-metropoli ta' Anuradhapura u ta' Polonnaruwa li ngħataw in-nar.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Antika ta' Polonnaruwa ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Illum il-ġurnata l-belt antika ta' Polonnaruwa hija waħda mill-fdalijiet arkeoloġiċi ta' bliet bl-aqwa ppjanar fil-pajjiż, u hija xhieda tad-dixxiplina u tal-kobor tal-ewwel mexxejja tar-Renju. Is-sbuħija tagħha ntużat ukoll bħala sfond għall-filmat mużikali tal-kanzunetta tad-Duran Duran Save a Prayer fl-1982. Il-Belt Antika ta' Polonnaruwa tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[2]

Qrib il-belt antika, hemm raħal żgħira b'diversi lukandi u xi ħwienet moderni, kif ukoll postijiet għall-ħtiġijiet ta' kuljum. Hemm istituzzjonijiet tal-gvern b'żona ġdida magħrufa bħala r-"Raħal Ġdid", madwar sitt kilometri 'l bogħod mir-raħal u mit-triq prinċipali. L-ikbar skola fid-distrett, il-Kulleġġ Ċentrali Rjali ta' Polonnaruwa, tinsab fir-raħal ġdid.

Polonnaruwa hija t-tieni l-ikbar belt fil-Provinċja Ċentrali u tat-Tramuntana, iżda hija magħrufa bħala waħda mill-iżjed bliet nodfa u fost l-isbaħ fil-pajjiż. L-ambjent aħdar, il-binjiet tal-qedem tal-għaġeb, il-Parakrama Samudra (lag enormi li nbena fl-1200), il-lukandi turistiċi attraenti u l-ospitalità tan-nies, jagħmlu hotspot tat-turiżmu.

Xi ħaġa oħra li tattira lit-turisti hija l-popolazzjoni lokali ta' makakki toque. Dawn ix-xadini ilhom jgħixu fil-fdalijiet minn żmien l-okkupazzjoni umana u baqgħu jiffjorixxu hemmhekk ferm wara li l-bnedmin abbandunaw il-belt.

  • Balasooriya, Jayasinghe (2004). The Glory of Ancient Polonnaruva. Polonnaruva: Sooriya Printers. ISBN 955-8158-01-1 (Archeological ruins).
  • 'The Satmahal Prasada: A Historic link between Lan Na and Sri Lanka', in: Forbes, Andrew, and Henley, David, Ancient Chiang Mai Volume 1. Chiang Mai: Cognoscenti Books, 2012.
  • Ulrich von Schroeder, Buddhist Sculptures of Sri Lanka, XII. Monuments of Polonnaruva: 632–677. (Hong Kong: Visual Dharma Publications, Ltd., 1990). ISBN 962-7049-05-0 / ISBN 978-962-7049-05-0.
  • Ulrich von Schroeder, The Golden Age of Sculpture in Sri Lanka – Masterpieces of Buddhist and Hindu Bronzes from Museums in Sri Lanka, [catalogue of the exhibition held at the Arthur M. Sackler Gallery, Washington, D. C., 1 November 1992 – 26 September 1993]. (Hong Kong: Visual Dharma Publications, Ltd., 1992). ISBN 962-7049-06-9 / ISBN 978-962-7049-06-7.
  1. ^ Sastri, K. A (2000). The CōĻas. University of Madras. pp. 172–173.
  2. ^ a b ċ d "Ancient City of Polonnaruwa - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-04.
  3. ^ Ceylon Journal of Science: Zoology & geology. Section B. University of Ceylon at the Government Press. 1904. p. 257.
  4. ^ Anders Hultgård, Irāmaccantiran̲ Nākacāmi, Peter Schalk (2002). Buddhism Among Tamils in Pre-colonial Tamilakam and Ilam Part 2. Department of History and Religion, University of Uppsala: Almqvist & Wiksell International. p. 709. ISBN 9789155453589.
  5. ^ Journal of the Ceylon Branch of the Royal Asiatic Society. Ceylon Branch of the Royal Asiatic Society: Colombo Apothecaries Company. 1920. p. 192.
  6. ^ Dehejia, Vidya (1990-10-18). Art of the Imperial Cholas. Columbia University Press. pp. 51, 77, 86–88. ISBN 9780231515245.
  7. ^ Annual Report on South-Indian Epigraphy. Government of India Central Publication Branch. 1986. p. 69.
  8. ^ University of Ceylon Review. Vol. 22–23. University of Ceylon. 1964. p. 69.
  9. ^ Archeological survey of Ceylon: Annual Report. Department of Archeology. 1909. p. 27.
  10. ^ "Census of Population and Housing - 2012". www.statistics.gov.lk. Miġbur 2024-12-04.