Aqbeż għall-kontentut

Namhansanseong

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Daħla tat-Tramuntana ta' Namhansanseong

Namhansanseong huwa forti storiku fil-muntanji, 25 km fix-Xlokk ta' Seoul, il-Korea t'Isfel. Jinsab madwar 480 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u huwa allinjat mal-qċaċet tal-muntanja għal difensibbiltà massima. Il-forti, b'tul totali ta' 12-il kilometru, jipproteġi żona vasta użata bħala belt kapitali ta' emerġenza matul id-dinastija Joseon tal-Korea (1392-1910). Id-disinn huwa bbażat fuq l-arkitettura tal-fortijiet tal-Lvant tal-Asja, u jinkorpora aspetti ta' erba' stili kulturali storiċi: id-dinastija Joseon tal-Korea, il-perjodu Azuchi-Momoyama tal-Ġappun, u d-dinastiji Ming u Qing taċ-Ċina. Il-forti ġie żviluppat b'mod estensiv matul is-sekli 16 sa 18, li kien perjodu ta' gwerer kontinwi. L-iżvilupp tekniku tal-armi u tal-armamenti matul dan il-perjodu, bl-użu tal-porvli importati mill-Ewropa, influwenza ferm ukoll l-arkitettura u l-konfigurazzjoni tal-forti. Namhansanseong jirrappreżenta kif it-teoriji varji tal-mekkaniżmi tad-difiża fil-Korea ddaħħlu fis-seħħ bil-kombinament tal-ambjent tal-għajxien ta' kuljum mal-objettivi tad-difiża. Il-forti jindika kif il-Buddiżmu kellu rwol influwenti fil-protezzjoni tal-istat, u sar simbolu tas-sovranità fil-Korea.[1] Il-forti jinsab fin-Namhansan (il-muntanja Han tan-Nofsinhar), u fih fortifikazzjonijiet li jmorru lura għas-seklu 17 u għadd ta' tempji. Jista' jiġi aċċessat minn Seoul permezz tal-istazzjon ta' Namhansanseong tal-linja nru 8 tal-metro ta' Seoul.

Sueojangdae

L-iżjed karatteristika ovvja ta' Namhansanseong hija l-vantaġġ topografiku tagħha; hemm quċċata ċatta u spazjuża msejħa Gorobong, b'ċentru baxx u ġnub għoljin 'il fuq minn 480 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, li hija wkoll muntanja għolja fuq territorju ċatt tal-madwar li jiffaċilita l-osservazzjoni tat-territorju mill-għoli. Bis-saħħa ta' dawn il-karatteristiċi, Namhansanseong kien intuża bħala post ta' kmand mill-era tar-Renju Silla Unifikat fis-seklu 7. Dan ir-renju kien bena l-fortizza ta' Jujangseong fejn illum jinsab il-forti ta' Namhansanseong sabiex jospita lill-irġiel u sabiex jinħażnu l-provvisti meta kien qed jiġġieled kontra d-dinastija Tang fis-seklu 7. Fis-seklu 13, matul id-dinastija Goryeo, Namhansanseong kien fortizza kontra l-Invażjoni tal-Mongoli. Mis-seklu 17, Namhansanseong, qrib il-belt kapitali ta' Seoul, kiber ferm fid-daqs bħala forti fil-muntanji, u ntuża bħala belt kapitali ta' emerġenza għar-Re tad-dinastija Joseon.

Barra minn hekk, sistematikament Namhansanseong kien ġie ġestit u operat għal iżjed minn 300 sena mill-kostruzzjoni tiegħu fl-1624. B'mod speċifiku, kien il-post fejn seħħew il-battalji matul l-invażjoni tad-dinastija Qing sabiex tinkiseb eġemonija fil-Lvant tal-Asja matul it-tranżizzjoni bejn id-dinastiji Ming-Qing fiċ-Ċina. Kien is-simbolu spiritwali tad-dinastija Joseon għas-sovranità, kif ukoll post għas-sigurtà militari sas-seklu 20. L-istorja rikka ta' Namhansanseong turi l-iskambju ta' valuri reliġjużi tal-Buddiżmu, tal-Konfuċjaniżmu, folkloristiċi u Kristjani mill-kostruzzjoni tal-forti sa llum il-ġurnata.

Id-Daħla tal-Punent ta' Namhansanseong

Il-forti tal-muntanji tas-seklu 17, Namhansanseong, inbena bħala belt ippjanata kemm biex isservi bħala belt kapitali ta' emerġenza matul il-gwerra u bħala ċentru amministrattiv fil-paċi. Tipikament kien hemm villaġġi tradizzjonali fl-artijiet ċatti tal-madwar biswit il-fortijiet tal-muntanji li kienu jinbnew għall-kenn f'każ ta' emerġenzi. Namhansanseong kien forti difensiv awtosuffiċjenti u fi ħdanu ġie stabbilit raħal amministrattiv lokali flimkien ma' Palazz ta' Emerġenza. B'hekk, kellu diversi funzjonijiet bħad-difiża, l-amministrazzjoni, in-negozju u r-riti tal-antenati rjali. Għad-differenza tal-fortijiet tal-Ewropa u tal-Ġappun li kienu maħsuba għad-difiża tal-klassi tal-mexxejja biss, Namhansanseong kien struttura difensiva ta' kenn kemm għall-klassi tal-mexxejja kif ukoll għan-nies komuni.

Mis-seklu 17, Namhansanseong ġie abitat minn iktar minn 4,000 ruħ u ġie ġestit u ppreservat mir-residenti għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-biċċa l-kbira tal-fortijiet-bliet fil-Korea għaddew minn deformazzjonijiet u bidliet kbar matul iż-żminijiet kolonjali Ġappuniżi u matul il-perjodu ta' industrijalizzazzjoni u ta' urbanizzazzjoni, u dan wassal biex bosta tilfu l-konfigurazzjoni u l-għamliet oriġinali tagħhom. Madankollu, Namhansanseong żamm il-konfigurazzjoni oriġinali tiegħu peress li l-gvern kolonjali Ġappuniż wettaq rilokazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi u qered il-funzjonijiet militari tiegħu fl-istadju bikri tal-kolonizzazzjoni, u b'hekk baqa' jeżisti bħala villaġġ iżolat fil-muntanji.

Il-karatterisitiċ ta' Namhansanseong inbidlu ferm matul l-istorja tiegħu. Intuża bħala ċentru militari u amministrattiv bil-Palazz ta' Emerġenza u l-uffiċċji amministrattivi mill-1627 sal-1917. Kien iċ-ċentru tal-moviment tar-reżistenza ċivili (Uibyeong) iċċentrat fuq it-tempji tas-suldati-patrijiet Buddisti (Seungyeong) meta d-dinastija Joseon waqgħet u l-perjodu kolonjali Ġappuniż kien qed joqrob fil-bidu tas-seklu 20. Madankollu, il-forti twaqqa' u t-tempji ġew imġiegħla jagħlqu mill-Ġappuniżi fl-1907. Il-fortizza tilfet il-funzjoni tagħha bħala ċentru ta' raħal minħabba r-rilokazzjoni tal-uffiċċju tal-Kontea ta' Gwangju fl-1917, u dan irriżulta fi tnaqqis ta' importanza tal-villaġġ remot fil-muntanji. Imbagħad, il-forti ġarrab telf fil-popolazzjoni u telf materjali matul il-Gwerra Koreana.

Illum il-ġurnata, Namhansanseong huwa attrazzjoni turistika, wara r-restawr tal-ħitan li sar fuq skala kbira u wara li ġie ddeżinjat bħala park provinċjali fis-snin 70 tas-seklu 20. Kien hemm żieda drammatika fl-għadd ta' ristoranti u diversi faċilitajiet għall-viżitaturi mis-snin 80 tas-seklu 20. Il-Palazz ta' Emerġenza u s-Santwarju tal-Antenati Rjali fi ħdan il-forti ġew irrestawrati ferm abbażi ta' diversi studji fuq Namhansanseong mis-snin 90 tas-seklu 20, u fl-2010 tniżżel fil-lista tas-siti indikattivi tal-Korea t'Isfel. Il-forti tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014. Il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO stqarr li "l-forti Namhansanseong huwa l-unika forti-belt li nbena bħala belt kapitali temporanja għall-ħarsien tas-sovranità u tal-indipendenza tad-dinastija Joseon".[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Daħla tan-Nofsinhar ta' Namhansanseong

Namhansanseong ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ġestjoni tal-konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji ta' Namhansanseong huwa responsabbli għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tal-wirt kulturali ta' Namhansanseong, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Park Provinċjali ta' Namhansanseong huwa responsabbli għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tal-faċilitajiet tal-viżitaturi fi ħdan l-inħawi tal-park provinċjali ta' Namhansanseong, f'konformità mal-Pjan Bażiku tal-2012 dwar it-Titjib Komprensiv ta' Namhansanseong.

Midja u letteratura

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Ir-rumanz Namhansanseong ta' Kim Hoon huwa bbażat fuq it-tieni invażjoni Manchu tal-Korea fl-1636, fejn ir-Re Injo tad-dinastija Joseon ifittex il-kenn tal-forti.[2]
  • Il-musical tal-2009 Namhansanseong, ibbażata fuq ir-rumanz bl-istess isem, tiffoka fuq il-ħajjiet tan-nies ordinarji u l-ispirtu ta' sopravivenza tagħhom fi żminijiet diffiċli. Il-protagonista kien Yesung tal-grupp mużikali maskili Super Junior li ħadimha ta' Jung Myung-soo, qaddej li għamilha ta' interpretu. L-ispettaklu ttella' mid-9 ta' Ottubru sal-14 ta' Novembru fit-Teatru tal-Opri u ċ-Ċentru tal-Arti ta' Seongnam.
  • Dae Jang Geum (2003)
  • Dong Yi (sensiela televiżiva; 2010)
  • The Slave Hunters (2010)
  • Nobody's Daughter Haewon (2013)
  • The Fortress, film tal-2017 tar-reġista Hwang Dong-hyuk; it-titlu bil-Korean huwa isem il-forti stess (Namhansanseong).
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Namhansanseong". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-26.
  2. ^ Herald, The Korea (2010-03-30). "Musicals hope for seasonal bounce". The Korea Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-26.