Krak des Chevaliers
Krak des Chevaliers (bil-Franċiż: [kʁak de ʃ(ə)valje]; bl-Għarbi: قلعة الحصن, b'ittri Rumani: Qalʿat al-Ḥiṣn [ˈqalʕat alˈħisˤn]; bil-Franċiż Antik: Crac des Chevaliers jew Crac de l'Ospital, litteralment "karak [fortizza] tal-isptar") huwa kastell Medjevali fis-Sirja u wieħed mill-iżjed kastelli Medjevali ppreservati importanti fid-dinja. Is-sit ġie abitat għall-ewwel darba fis-seklu 11 minn truppi Kurdi stazzjonati fi gwarniġjon hemmhekk mill-Mirdasidi. Fl-1142 ingħata minn Raymond II, il-Konti ta' Tripoli, lill-Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri. Baqa' okkupat minnhom sal-ħakma mill-ġdid mill-Musulmani fl-1271.
Il-Kavallieri bdew jerġgħu jibnu l-kastell fis-snin 40 tas-seklu 12 u lestewh sal-1170, iżda terremot ikkawża ħsarat estensivi lill-kastell. L-Ordni kkontrollat għadd ta' kastelli tul il-fruntiera tal-Kontea ta' Tripoli, stat stabbilit wara l-Ewwel Kruċjata. Krak des Chevaliers kien fost l-iżjed importanti, u ntuża bħala ċentru ta' amministrazzjoni kif ukoll bħala bażi militari. Wara li kien hemm fażi oħra ta' kostruzzjoni fis-seklu 13, Krak des Chevaliers sar kastell konċentriku. Din il-fażi ħolqot il-ħitan esterni u tat id-dehra attwali lill-kastell. L-ewwel nofs tas-seklu ġie deskritt bħala l-"epoka tad-deheb" ta' Krak des Chevaliers. Fil-quċċata tiegħu, Krak des Chevaliers ospita gwarniġjon ta' madwar 2,000 ruħ. Permezz ta' gwarniġjon daqstant kbir, il-Kavallieri setgħu jiġbru ħlasijiet minn żona wiesgħa. Mis-snin 50 tas-seklu 13, ix-xorti tal-Kavallieri Ospitalieri għebet u fl-1271 is-sultan tal-Mamluk Baibars ħataf il-kastell ta' Krak des Chevaliers wara assedju li dam 36 jum, x'aktarx permezz ta' ittra ffalsifikata taparsi mill-Gran Mastru tal-Ordni li wasslet biex il-Kavallieri jarrendu.
L-interess imġedded fil-kastelli tal-Kruċjati fis-seklu 19 wassal għall-investigazzjoni ta' Krak des Chevaliers, u tfasslu l-pjanti arkitettoniċi. Fl-aħħar tas-seklu 19 jew fil-bidu tas-seklu 20 inħoloq insedjament fi ħdan il-kastell li kkawża ħsarat lin-nisġa tiegħu. Il-500 abitant ġew ittrasferiti fl-1933 u l-kastell għadd f'idejn l-Istat Alawit Franċiż, li wettaq programm ta' kklerjar u ta' restawr. Meta s-Sirja ħadet l-indipendenza fl-1946, il-kontroll tal-kastell għadda f'idejha.
Illum il-ġurnata, madwar il-kastell jeżisti l-villaġġ ta' Al-Husn, li għandu popolazzjoni ta' kważi 9,000 ruħ. Krak des Chevaliers jinsab bejn wieħed u ieħor 40 kilometru (25 mil) fil-Punent tal-belt ta' Homs, qrib il-fruntiera mal-Libanu, u amministrattivament jagħmel parti mill-Governorat ta' Homs. Mill-2006, il-kastelli ta' Krak des Chevaliers u ta' Qal'at Salah El-Din ġew irrikonoxxuti mill-UNESCO bħala Sit ta' Wirt Dinji.[1] Il-kastell ġarrab ħsarat parzjali fil-gwerra ċivili Sirjana minħabba l-isparar u l-ġlied, u reġa' nħatef mill-forzi tal-gvern Sirjan fl-2014. Minn dak iż-żmien 'l hawn, sar xogħol ta' rikostruzzjoni u ta' konservazzjoni fuq is-sit. Kull sena jsiru rapporti mill-UNESCO u mill-gvern Sirjan dwar l-istat tas-sit.[2]
It-terminu "Krak" oriġina minn karak, li hija kelma Sirjana Antika li tfisser "fortizza".[3] Qabel il-wasla tal-ġellieda tal-Kruċjati, il-mexxej Għarbi lokali kien stabbilixxa fortifikazzjoni tas-sit mgħasses mill-Kurdi, u b'hekk bl-Għarbi s-sit kien jissejjaħ Ḥoṣn al-Akrād (حصن الأكراد) jew "forti tal-Kurdi".[4] Wara l-kostruzzjoni tal-kastell attwali, il-ġellieda tal-Kruċjati (li kienu jitkellmu bil-Franċiż Antik, jew fi Tripoli, x'aktarx bl-Oċċitan)[5] "kissru" l-isem f'Le Crat u mbagħad x'aktarx ħawduh ma' karak, u l-isem evolva f'Le Crac.[6]
Minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mal-Kavallieri Ospitalieri, il-kastell kien magħruf bħala Crac de l'Ospital (il-Fortizza tal-Isptar) matul il-Medju Evu.[7] Iktar 'il quddiem l-isem ġie Latinizzat u sar Krak des Chevaliers bil-Franċiż fis-seklu 19, jiġifieri l-"Fortizza tal-Kavallieri".[8][9]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kastell jinsab fil-quċċata ta' għolja ta' 650 metru (2,130 pied) fil-Lvant ta' Tartus, is-Sirja, fil-Mogħdija Muntanjuża ta' Homs. Fuq in-naħa l-oħra tal-mogħdija muntanjuża, 27 kilometru (17-il mil) 'il bogħod, kien hemm il-Kastell ta' Gibelacar (Hisn Ibn Akkar) tas-seklu 12. Ir-rotta tul il-Mogħdija Muntanjuża ta' Homs, li kienet strateġikament importanti, tikkollega l-bliet ta' Tripoli u ta' Homs. Lejn it-Tramuntana tal-kastell hemm Jebel Ansariyah, u lejn in-Nofsinhar hemm il-Libanu. Iż-żona tal-madwar hija għammiela, u tibbenefika minn nixxigħat u minn xita abbundanti. Meta mqabbla mar-Renju ta' Ġerusalemm, l-istati l-oħra tal-ġellieda tal-Kruċjati kellhom inqas raba' agrikolu; madankollu, il-qċaċet tal-ġebla tal-ġir ta' Tripoli kienu adattati ħafna bħala siti difensivi.
Parti mill-proprjetà tal-Kontea ta' Tripoli, mogħtija lill-Kavallieri fis-snin 40 tas-seklu 12, kienet tinkludi lil Krak des Chevaliers, l-irħula ta' Rafanea u ta' Montferrand, u l-pjanura ta' Beqa'a li tissepara lil Homs u lil Tripoli. Homs qatt ma sfat taħt il-kontroll tal-ġellieda tal-Kruċjati, għaldaqstant ir-reġjun madwar Krak des Chevaliers kien vulnerabbli għal spedizzjonijiet mill-belt. Filwaqt li l-prossimità tal-belt ikkawżat problemi lill-Kavallieri fir-rigward tad-difiża tat-territorju tagħhom, kienet tfisser ukoll li Homs kienet qrib biżżejjed biex ikunu jistgħu jattakkawha. Minħabba l-pożizzjoni strateġika fuq il-pjanura, il-kastell sar l-iżjed bażi importanti tal-Kavallieri fl-inħawi.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġini u żmien il-Kruċjati
[immodifika | immodifika s-sors]Skont l-istoriku Għarbi tas-seklu 13 Ibn Shaddad, fl-1031, l-emir Mirdasid ta' Aleppo u ta' Homs, Shibl ad-Dawla Nasr, stabbilixxa insedjament ta' tribù Kurda fis-sit tal-kastell, li dak iż-żmien kien magħruf bħala "Ḥiṣn al-Safḥ". Nasr irrestawra l-kastell ta' Hisn al-Safh sabiex jgħin biex jerġa' jiġi stabbilit l-aċċess tal-Mirdasidi għall-kosta ta' Tripoli wara li kienu tilfu l-kastell ta' Hisn Ibn Akkar fil-qrib kontra l-Fatimidi fl-1029. Minħabba l-gwarniġjon ta' Nasr bi truppi Kurdi fis-sit, il-kastell sar magħruf bħala "Ḥiṣn al-Akrād" (il-Fortizza tal-Kurdi). Il-kastell kellu pożizzjoni strateġika fit-tarf tan-Nofsinhar tal-katina muntanjuża ta' Jibal al-Alawiyin b'pożizzjoni dominanti fit-triq bejn Homs u Tripoli. Meta kienu jibnu l-kastelli, l-inġinieria spiss kienu jagħżlu siti fl-għoli, bħal għoljiet u muntanji, li kienu jipprovdu ostakli naturali.
F'Jannar 1099 fil-vjaġġ lejn Ġerusalemm matul l-Ewwel Kruċjata, Raymond IV ta' Toulouse ġie attakkat mill-gwarniġjon ta' Hisn al-Akrad, il-predeċessur ta' Krak des Chevalier. L-għada Raymond immarċja lejn il-kastell u sabu vojt. Il-ġellieda tal-Kruċjati okkupaw il-kastell fi Frar tal-istess sena iżda abbandunawh ftit wara meta ġew biex ikomplu jimmarċjaw lejn Ġerusalemm. L-okkupazzjoni permanenti bdiet fl-1110 meta Tancred, il-Prinċep tal-Galilea ħa l-kontroll tas-sit. Il-kastell bikri kien sostanzjalment differenti mill-fdalijiet eżistenti u ma fadal l-ebda traċċa tal-ewwel kastell fis-sit.
L-oriġini tal-Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri mhumiex ċari, iżda x'aktarx li tfaċċaw għall-ħabta tas-snin 70 tas-seklu 11 f'Ġerusalemm. Bdew bħala ordni reliġjuża li kienet tieħu ħsieb il-morda, u iktar 'il quddiem kienet tieħu ħsieb il-pellegrini fi triqithom lejn l-Art Imqaddsa. Wara s-suċċess tal-Ewwel Kruċjata li ħatfet lil Ġerusalemm fl-1099, bosta ġellieda tal-Kruċjati taw proprjetà ġdida fil-Lvant bħala donazzjoni lill-Kavallieri Ospitalieri ta' San Ġwann. Id-donazzjonijiet bikrin kienu fir-Renju l-ġdid ta' Ġerusalemm, iżda maż-żmien l-Ordni estendiet il-proprjetajiet tagħha lejn l-istati tal-ġellieda tal-Kruċjati tal-Kontea ta' Tripoli u tal-Prinċipat ta' Antjokja. L-evidenza tissuġġerixxi li fis-snin 30 tas-seklu 12 l-Ordni saret militarizzata, meta Fulk, ir-Re ta' Ġerusalemm, ta l-kastell li kien għadu kemm inbena f'Beth Gibelin lill-Ordni fl-1136. Barri Papali ta' bejn l-1139 u l-1143 jaf jindika li l-Ordni kienet qed tirrekluta lin-nies biex jiddefendu lill-pellegrini. Kien hemm ukoll Ordnijiet militari oħra, bħat-Templari, li offrew protezzjoni lill-pellegrini.
Bejn l-1142 u l-1144 Raymond II, il-Konti ta' Tripoli, ta proprjetà fil-kontea lill-Ordni. Skont l-istoriku Jonathan Riley-Smith, il-Kavallieri Ospitalieri effettivament stabbilew "Palatinat" fi ħdan Tripoli. Il-proprjetà kienet tinkludi kastelli li permezz tagħhom il-Kavallieri kienu mistennija jiddefendu lil Tripoli. Flimkien ma' Krak des Chevaliers, il-Kavallieri Ospitalieri ngħataw erba' kastelli oħra tul il-fruntieri tal-istat, li ppermettew lill-Ordni tiddomina l-inħawi. Il-ftehim tal-Ordni ma' Raymond II kien jgħid li jekk ma kienx jakkumpanja lill-Kavallieri tal-Ordni fil-kampanja militari, l-istrutturi li jintrebħu kienu jsiru proprjetà tal-Ordni, u jekk kien ikun preżenti, l-istrutturi kienu jinqasmu b'mod indaqs bejn il-Konti u bejn l-Ordni. Barra minn hekk, Raymond II ma rnexxilux jagħmel paċi mal-Musulmani mingħajr il-permess tal-Kavallieri Ospitalieri. Il-Kavallieri Ospitalieri għamlu lil Krak des Chevaliers ċentru ta' amministrazzjoni tal-proprjetà ġdida tagħhom, u wettqu xogħol fuq il-kastell sabiex isir wieħed mill-iżjed fortifikazzjonijiet elaborati tal-ġellieda tal-Kruċjati fil-Lvant.
Wara li kisbu s-sit fl-1142, bdew jibnu kastell ġdid biex jissostitwixxi l-fortifikazzjoni Kurda ta' qabel. Dan ix-xogħol dam sal-1170, meta terremot ġarrab ħsarat estensivi fil-kastell. Sors Għarbi jsemmi li t-terremot qered il-kappella tal-kastell, li mbagħad ġiet sostitwita bil-kappella attwali. Fl-1163 il-ġellieda tal-Kruċjati rebħu kontra Nur ad-Din fil-Battalja ta' Al-Buqaia qrib Krak des Chevaliers.
Il-kundizzjonijiet ta' nixfa bejn l-1175 u l-1180 wasslu biex il-ġellieda tal-Kruċjati jiffirmaw tregwa ta' sentejn mal-Musulmani, iżda Tripoli ma ġietx inkluża fil-ftehim. Matul is-snin 80 tas-seklu 12, l-attakki tal-Kristjani u tal-Musulmani fit-territorji ta' xulxin saru iktar frekwenti. Fl-1180, Saladin daħal fil-Kontea ta' Tripoli u kkawża ħsarat kbar. Il-ġellieda tal-Kruċjati ma ridux jidħlu f'battalja miegħu fil-beraħ, u b'hekk irtiraw lejn is-sikurezza relattiva tal-fortifikazzjonijiet tagħhom. Mingħajr ma jaħtaf il-kastelli, Saladin ma setax jiżgura l-kontroll tal-inħawi, u ladarba rtira, il-Kavallieri Ospitalieri setgħu jerġgħu jirkupraw l-artijiet danneġġati tagħhom. Il-Battalja ta' Hattin fl-1187 kienet telfa diżastruża għall-ġellieda tal-Kruċjati: Guy ta' Lusignan, ir-Re ta' Ġerusalemm, inħataf, flimkien mas-Salib Reali, relikwa li ġiet skoperta matul l-Ewwel Kruċjata. Wara dan, Saladin ordna li l-kavallieri tat-Templari u Ospitalieri jiġu ġustizzjati, minħabba l-importanza taż-żewġ Ordnijiet fid-difiża tal-istati tal-ġellieda tal-Kruċjati. Wara l-battalja, il-kastelli Ospitalieri ta' Belmont, Belvoir, u Bethgibelin intrebħu mill-armati Musulmani. Wara li ġarrbet dawn it-telfiet, l-Ordni ffukat l-attenzjoni tagħha fuq il-kastelli li kellha f'Tripoli. F'Mejju 1188 Saladin mexxa armata sabiex tattakka lil Krak des Chevaliers, iżda malli ra l-kastell, iddeċieda li kien difiż tajjeb wisq u minflok immarċja fuq il-Kastell Ospitalier ta' Margat, li xorta waħda ma rnexxilux jirbaħ.
Fl-1202 kien hemm terremot ieħor, u jaf wara dan l-avveniment il-kastell ġie mmudellat mill-ġdid. Ix-xogħol tas-seklu 13 kien l-aħħar perjodu ta' kostruzzjoni f'Krak des Chevaliers li wassal għad-dehra attwali tal-kastell. Ħajt tal-ġebel madwar il-kastell inbena bejn l-1142 u l-1170; l-istruttura iktar bikrija saret is-sezzjoni interna tal-kastell. Jekk kien hemm ħitan madwar is-sezzjoni interna qabel il-ħitan esterni attwali, ma ġiet skoperta l-ebda traċċa tagħhom.
L-ewwel nofs tas-seklu 13 kien ikkaratterizzat bħala l-"epoka tad-deheb" ta' Krak des Chevaliers. Filwaqt li fortizzi oħra tal-ġellieda tal-Kruċjati ġew mhedda, Krak des Chevaliers u l-gwarniġjon tiegħu ta' 2,000 suldat iddominaw l-inħawi tal-madwar. Effettivament kien ċentru ta' prinċipat li baqa' f'idejn il-ġellieda tal-Kruċjati sal-1271 u kien l-unika żona interna ewlenija li baqgħet kostantement taħt il-kontroll tagħhom matul dan il-perjodu. Il-ġellieda tal-Kruċjati li kienu jgħaddu mill-inħawi spiss kienu jieqfu fil-kastell, u x'aktarx kien jagħtu donazzjonijiet. Ir-Re Indrija II tal-Ungerija żar il-kastell fl-1218 u pproklama l-kastell bħala l-"muftieħ tal-artijiet Kristjani". Tant baqa' impressjonat bil-kastell li ta introjtu annwali ta' 60 mark lill-Gran Mastru u 40 mark lill-patrijiet. Geoffroy de Joinville, iz-ziju tal-kronista notevoli tal-Kruċjati Jean de Joinville, miet f'Krak des Chevaliers fl-1203 jew fl-1204 u ndifen fil-kappella tal-kastell.
Ir-rakkonti kontemporanji prinċipali marbuta ma' Krak des Chevaliers għandhom oriġini Musulmana u spiss jenfasizzaw is-suċċess tal-Musulmani filwaqt li jinjoraw is-suċċess tal-ġellieda tal-Kruċjati. Minkejja dan, jissuġġerixxu li l-Kavallieri Ospitalieri obbligaw lill-insedjamenti ta' Hama u ta' Homs jagħtu ħlas lill-Ordni. Din is-sitwazzjoni damet sal-gwerer tas-suċċessuri ta' Saladin bejniethom stess. Il-prossimità ta' Krak des Chevaliers mat-territorji Musulmani wasslet biex il-kastell ikollu rwol offensiv, u kien jintuża bħala bażi li minnha l-inħawi ġirien setgħu jiġu attakkati. Sal-1203 il-gwarniġjon kien qed jagħmel attakki kontra Montferrand (li kienet taħt il-kontroll Musulman) u kontra Hama, u fl-1207 u fl-1208 is-suldati tal-kastell ħadu sehem f'attakk kontra Homs. Krak des Chevaliers intuża bħala bażi għal spedizzjonijiet lejn Hama fl-1230 u fl-1233 wara li l-emir irrifjuta li jagħti ħlas lill-Ordni. L-ewwel spedizzjoni ma rnexxietx, iżda l-ispedizzjoni tal-1233 kienet turija tas-setgħa tal-Ordni li wriet l-importanza ta' Krak des Chevaliers.
Fis-snin 50 tas-seklu 13, ix-xorti tal-Kavallieri Ospitalieri marret għall-agħar. Armata Musulmana li ġiet stmata li kellha 10,000 raġel għamlet ħerba fil-kampanja ta' madwar il-kastell fl-1252, u mbagħad il-finanzi tal-Ordni qabdu t-triq tan-niżla f'daqqa. Fl-1268 il-Gran Mastru Hugues Revel ilmenta li l-inħawi, li qabel kienu jospitaw sa madwar 10,000 ruħ, issa kienu vojta u li l-proprjetà tal-Ordni fir-Renju ta' Ġerusalemm ma tantx kienet qed trendi wisq introjtu. Huwa nnota wkoll li kien għad fadal 300 membru tal-Ordni biss fil-Lvant. Fuq in-naħa tal-Musulmani, fl-1260 Baibars sar is-Sultan tal-Eġittu, wara li dar kontra l-mexxej Qutuz, u għaqqad l-Eġittu u s-Sirja. B'hekk, l-insedjamenti Musulmani li qabel kienu jħallsu lill-Kavallieri Ospitalieri f'Krak des Chevaliers ma baqgħux jagħmlu dan għaliex ma ħassewhomx intimidati iktar.
Apparti Hugues Revel, ġew identifikati wkoll membri oħra li għexu f'dan il-kastell: Pierre de Mirmande (Gran Kmandant) u Geoffroy le Rat (Gran Mastru).
Baibars żar l-inħawi madwar Krak des Chevaliers fl-1270 u ppermetta lill-irġiel tiegħu jirgħu l-annimali tagħhom fl-għelieqi ta' madwar il-kastell. Meta ngħata l-aħbar dik is-sena rigward it-Tmien Kruċjata mmexxija mir-Re Lwiġi IX ta' Franza, Baibars telaq lejn il-Kajr biex jevita l-konfront. Wara l-mewt ta' Lwiġi fl-1271, Baibars reġa' lura biex jaffronta Krak des Chevaliers. Qabel ma mmarċja lejn il-kastell, is-Sultan ħataf il-kastelli iżgħar fl-inħawi, inkluż Chastel Blanc. Fit-3 ta' Marzu, l-armata ta' Baibars waslet f'Krak des Chevaliers. Sakemm is-Sultan wasal fil-post, il-kastell jaf diġà kien imblukkat tal-Mamluk għal diversi jiem. Mit-tliet rakkonti Għarab tal-assedju, wieħed biss kien kontemporanju, dak ta' Ibn Shaddad, għalkemm hu ma kienx preżenti fl-assedju. Ir-raħħala li kienu jgħixu fl-inħawi kienu ħarbu lejn il-kastell għas-sikurezza u nżammu fis-sezzjoni esterna. Malli wasal Baibars ordna li jintramaw manganelli, armi qawwijin tal-assedji li iktar 'il quddiem uża kontra l-kastell. X'aktarx b'referenza għal sobborg iffortifikat 'il barra mid-daħla tal-kastell, Ibn Shaddad isemmi li jumejn wara, l-ewwel linja tad-difiżi ntrebħet mill-assedjaturi.
Ix-xita interrompiet l-assedju, iżda fil-21 ta' Marzu, eżatt fin-Nofsinhar ta' Krak des Chevaliers, il-qawwiet ta' Baibar ħatfu sit triangolari x'aktarx difiż minn puntali tal-injam. Fid-29 ta' Marzu, l-attakkanti mminaw torri fir-rokna tal-Lbiċ u ġġarraf meta l-armata ta' Baibars attakkatu mill-ġdid. Fis-sezzjoni esterna sabu r-raħħala li kienu marru għall-kenn fil-kastell. Peress li s-sezzjoni esterna kienet intilfet, b'uħud mill-membri tal-gwarniġjon maqtula, il-ġellieda tal-Kruċjati rtiraw lejn is-sezzjoni interna iktar qawwija. Wara għaxart ijiem sħaħ, l-assedjaturi bagħtu ittra lill-gwarniġjon, taparsi mill-Gran Mastru tal-Kavallieri Ospitalieri fi Tripoli, li tahom il-permess (aman) li jarrendu fit-8 ta' April 1271. Minkejja li l-ittra kienet iffalsifikata, il-gwarniġjon irtira u s-Sultan ma qatilhomx. Is-sidien il-ġodda tal-kastell wettqu t-tiswijiet meħtieġa, iffukati l-iktar fuq is-sezzjoni esterna. Il-kappella tal-Kavallieri Ospitalieri ġiet ikkonvertita f'moskea u żdiedu żewġ mihrab (niċeċ tat-talb) fuq ġewwa.
Storja ta' wara
[immodifika | immodifika s-sors]Matul il-perjodu Ottoman (1516-1918), il-kastell ospita grupp tal-fanterija lokali u kien iċ-ċentru tan-nahiye (distrett tat-taxxa) ta' Hisn al-Akrad, mehmuż l-ewwel mas-Sanjak ta' Tripoli u mbagħad ma' Homs, it-tnejn parti mill-Eyalet ta' Tripoli. Il-kastell stess kien immexxi minn dizdar (għassies tal-kastell). Diversi tribujiet Turkmeni u Kurdi insedjaw l-inħawi u fis-seklu 18 id-distrett kien ikkontrollat l-iktar minn membri lokali notevoli tal-familja Dandashi. Fl-1894 il-gvern Ottoman ikkunsidra li jistazzjona grupp ta' suldati awżiljarji hemmhekk, iżda rreveda l-pjanijiet tiegħu wara li ddeċieda li l-kastell kien antik wisq u l-aċċess tiegħu kien diffiċli wisq. B'hekk, il-belt kapitali tad-distrett imbagħad ġiet ittrasferita lejn Talkalakh fil-qrib.
Wara li l-Franki tkeċċew mill-Art Imqaddsa fl-1291, il-familjarità Ewropea mal-kastelli tal-ġellieda tal-Kruċjati naqset. L-interess f'dawn il-binjiet iġġedded fis-seklu 19, u b'hekk ma hemm l-ebda pjanta dettaljata ta' qabel l-1837. Emmanuel Guillaume-Rey kien l-ewwel riċerkatur Ewropew li studja xjentifikament il-kastelli tal-ġellieda tal-Kruċjati fl-Art Imqaddsa. Fl-1871 huwa ppubblika x-xogħol Etudes sur les monuments de l'architecture militaire des Croisés en Syrie et dans l'ile de Chypre; kien jinkludi pjanti u tpinġijiet tal-kastelli ewlenin tal-ġellieda tal-Kruċjati fis-Sirja, inkluż Krak des Chevaliers. F'xi każijiet t-tpinġijiet tiegħu ma kinux preċiżi, madankollu fil-każ ta' Krak des Chavaliers jirreġistraw karatteristiċi li minn dak iż-żmien 'l hawn intilfu.
Paul Deschamps żar il-kastell fi Frar 1927. Minn mindu Rey kien żar il-kastell fis-seklu 19, laħaq ġie stabbilit villaġġ ta' 500 ruħ fi ħdan il-kastell. L-abitazzjoni mill-ġdid ikkawżat ħsarat lis-sit: il-volti ta' taħt l-art kienu ntużaw għall-iskart u f'xi postijiet il-fortifikazzjonijiet inqerdu. Deschamps u l-arkitett François Anus ippruvaw jikklerjaw ftit mid-detriti; il-Ġeneral Maurice Gamelin assenja 60 suldat Alawit biex jgħinuhom. Deschamps telaq f'Marzu 1927, u x-xogħol tkompla meta rritorna sentejn wara. Il-qofol tax-xogħol ta' Deschamp fil-kastell kien il-pubblikazzjoni ta' Les Châteaux des Croisés en Terre Sainte I: le Crac des Chevaliers fl-1934, bi pjanti dettaljati ta' Anus. L-istħarriġ ġie mfaħħar sew u ġie deskritt bħala "brillanti u eżawstiv" mill-istoriku militari D. J. Cathcart King fl-1949 u "x'aktarx l-ifjen rendikont tal-arkeoloġija u tal-istorja ta' kastell Medjevali uniku li qatt inkiteb" mill-istoriku Hugh Kennedy fl-1994.
Diġà mill-1929 saru suġġerimenti biex il-kastell jgħaddi taħt il-kontroll tal-Franċiżi. Fis-16 ta' Novembru 1933, Krak des Chevaliers għadda taħt il-kontroll tal-istat Franċiż, u ġie amministrat mill-Académie des Beaux-Arts. Iċ-ċittadini ġew ittrasferiti u ngħataw miljun F bejniethom bħala kumpens. Matul is-sentejn ta' wara twettaq programm ta' tindif u ta' restawr minn forza ta' 120 ħaddiem. Meta tlesta, Krak des Chevaliers sar wieħed mill-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin fil-Lvant Franċiż. Pierre Coupel, li kien wettaq xogħol simili fit-Torri tal-Iljuni u fiż-żewġ kastelli ta' Sidon, issorvelja x-xogħol. Minkejja r-restawr, ma sarux skavi arkeoloġiċi. Il-Mandat għas-Sirja u għal-Libanu, li kien ġie stabbilit fl-1920, intemm fl-1946 bid-dikjarazzjoni tal-indipendenza Sirjana. Il-kastell sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien ma' Qal’at Salah El-Din, fl-2006, u s-sjieda tiegħu tinsab f'idejn il-gvern Sirjan.
Diversi mill-eks residenti tal-kastell bnew id-djar tagħhom 'il barra mill-fortizza u minn dak iż-żmien żviluppa villaġġ imsejjaħ Al-Husn. Bosta mill-bejn wieħed u ieħor 9,000 resident Musulman ta' Al-Husn jibbenefikaw ekonomikament mit-turiżmu ġġenerat mis-sit.
Il-Gwerra Ċivili Sirjana faqqgħet fl-2011, u b'hekk l-UNESCO qajmet tħassib li l-gwerra jaf tikkawża ħsara lis-siti kulturali, inkluż Krak des Chevaliers. Kien hemm sparar fuq il-kastell f'Awwissu 2012 mill-Armata Għarbija Sirjana, li kkawża ħsarat fuq il-kappella tal-ġellieda tal-Kruċjati. Is-sit ġarrab ħsarat ġodda f'Lulju 2013 minħabba bumbardamenti mill-ajru mwettqa mill-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana matul l-Assedju ta' Homs, u mill-ġdid fit-18 ta' Awwissu 2013. L-Armata Għarbija Sirjana ħatfet il-kastell u l-villaġġ ta' Al-Hosn f'Marzu 2014. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UNESCO ppubblikat rapporti perjodiċi dwar l-istat tas-sit u dwar il-miżuri ta' rikostruzzjoni u ta' konservazzjoni.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Krak des Chevaliers u Qal’at Salah El-Din ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-bidu tas-seklu 20, T. E. Lawrence, magħruf popolarment bħala Lawrenz tal-Arabja, irrimarka li Krak des Chevaliers kien "x'aktarx l-iżjed kastell ippreservat u li jista' jiġi ammirat fl-intier tiegħu fid-dinja, u [kastell li] jirrappreżenta mudell ċar tal-binjiet tal-ġellieda tal-Kruċjati fis-Sirja". Il-kastelli fl-Ewropa kienu jipprovdu akkomodazzjoni għanja għas-sidien tagħhom u kienu ċentri ta' amministrazzjoni; fil-Lvant il-ħtieġa għad-difiża kienet prijoritarja u kienet riflessa fid-disinn tal-kastell. Kennedy jissuġġerixxi li "l-kastell iddisinjat xjentifikament bħala makkinarju tal-ġlied ċertament laħaq l-apoġew tiegħu f'binjiet kbar bħal Margat u Krak des Chevaliers".
Krak des Chevaliers jista' jiġi kklassifikat bħala kastell fuq muntanja jew għolja, minħabba l-pożizzjoni tiegħu, u wara t-tkabbir li sar fis-seklu 13 sar kastell konċentriku żviluppat bis-sħiħ. Kellu daqs u konfigurazzjoni simili għal Vadum Jacob, kastell tal-ġellieda tal-Kruċjati li nbena fl-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 12. Il-Kastell ta' Margat ġie kkwotat ukoll bħala l-kastell tewmi ta' Krak des Chevaliers. Il-materjal tal-binja prinċipali f'Krak des Chevaliers kien il-ġebla tal-ġir; il-faċċata tal-ġebel maqtugħ manwalment tant hi fina li t-tkaħħil bil-kemm tinduna bih. 'Il barra mid-daħla tal-kastell kien hemm "subborg iffortifikat" magħruf bħala burgus, li ma għad fadal l-ebda traċċa tiegħu. Lejn in-Nofsinhar tas-sezzjoni esterna kien hemm binja triangolari u l-ġellieda tal-Kruċjati jaf kellhom f'moħħhom li jibnu ħitan u torrijiet tal-ġebel madwarha. Mhuwiex magħruf kif kienet difiża fl-assedju tal-1271, għalkemm ġie ssuġġerit li kienet imdawra minn puntali tal-injam. Fin-Nofsinhar tal-kastell, l-għolja li fuqha jinsab il-kastell hija kkollegata mal-għolja sussegwenti, biex il-makkinarji tal-assedji setgħu jitressqu fil-pjan terran. Id-difiżi interni huma l-iktar b'saħħithom f'dan il-punt, b'raggruppament ta' torrijiet ikkollegati ma' xulxin permezz ta' ħajt oħxon.
Sezzjoni interna
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1142 u l-1170 il-Kavallieri Ospitalieri wettqu programm ta' kostruzzjoni fis-sit. Il-kastell ġie difiż permezz ta' ħitan tal-ġebel madwar il-kastell b'torrijiet kwadri pprojettati kemxejn. Id-daħla prinċipali kienet tinsab bejn żewġ torrijiet fuq in-naħa tal-Lvant, u kien hemm daħla sekondarja fit-torri tal-Grigal. Fin-nofs kien hemm bitħa mdawra b'kompartimenti bil-volti. It-topografija tal-art iddettat l-għamla irregolari tal-kastell. Sit b'difiżi naturali kien il-pożizzjoni tipika għall-kastelli tal-ġellieda tal-Kruċjati. Xaqlibiet weqfin ipprovdew lil Krak des Chevaliers b'difiżi fuq in-naħat kollha għajr naħa waħda, fejn kienu kkonċentrati d-difiżi tal-kastell. Din il-fażi tal-binja kienet inkorporata fil-kostruzzjoni aħħarija tal-kastell.
Meta Krak des Chevaliers ġie mmudellat mill-ġdid fis-seklu 13, inbnew ħitan madwar l-ispazju intern fil-beraħ. Segwew il-ħitan interni, bi spazju dejjaq bejniethom fil-Punent u fin-Nofsinhar li ġie kkonvertit f'gallerija li minnha d-difensuri setgħu jvaraw il-missili. F'din iż-żona, il-ħitan kienu mirfuda minn strutturi mxaqilbin b'mod wieqaf, u dawn kienu jipprovdu protezzjoni addizzjonali mill-armi tal-assedji u mit-terremoti. Erba' torrijiet tondi kbar huma pprojettati vertikalment minn dawn l-istrutturi; kienu jintużaw bħala akkomodazzjoni għall-Kavallieri tal-gwarniġjon, li fl-aqwa żmien laħqu s-60 ruħ. It-torri tal-Lbiċ ġie ddisinjat biex jospita l-kmamar tal-Gran Mastru tal-Kavallieri Ospitalieri. Għalkemm id-difiżi li fl-imgħoddi kienu jsaħħu l-ħitan tas-sezzjonijiet interni u ma għadhomx jeżistu fil-biċċa l-kbira tagħhom, u milli jidher ma kinux estiżi mad-dawra kollha tal-ħitan. Ma kienx hemm amberżuni għad-difiża fil-faċċata tan-Nofsinhar. Iż-żona bejn l-ispazju intern u l-ħitan esterni kien dejjaq u ma kienx jintuża għall-akkomodazzjoni. Fil-Lvant, fejn id-difiżi kienu l-iżjed dgħajfa, kien hemm ġibjun fil-beraħ mimli b'akkwedott. Kien iservi kemm bħala ħandaq kif ukoll għall-provvista tal-ilma tal-kastell.
Fit-tarf tat-Tramuntana tal-bitħa żgħira interna hemm kappella u fit-tarf tan-Nofsinhar hemm spazju fil-beraħ. Dan tal-aħħar huwa olzat fuq il-kumplament tal-bitħa; l-ispazju bil-volti taħt dan l-ispazju kien jipprovdi spazju għall-ħżin u seta' jintuża wkoll għall-istalel u għall-ħżin tal-missili. Tul il-Punent tal-bitħa hemm is-sala tal-Kavallieri. Għalkemm x'aktarx li din inbniet għall-ewwel darba fis-seklu 12, l-ispazju intern imur lura għall-immudellar mill-ġdid tas-seklu 13. It-tiżjin delikat tal-kastell huwa eżempju sofistikat tal-arkitettura Gotika, li x'aktarx imur lura għas-snin 30 tas-seklu 13.
Kappella
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kappella attwali x'aktarx li nbniet biex tissostitwixxi l-kappella li kienet inqerdet minn terremot fl-1170. In-naħa tal-Lvant tal-kappella oriġinali biss, li kienet tospita l-apsida, u parti żgħira mill-ħajt tan-Nofsinhar għadhom jeżistu mill-kappella oriġinali. Il-kappella li nbniet wara kellha volta b'għamla ta' bittija u apsida mhux kumplessa; id-disinn tagħha kien jitqies bħala antikwat abbażi tal-istandards kontemporanji fi Franza, iżda fih karatteristiċi simili għall-kappella li kienet inbniet għall-ħabta tal-1186 f'Margat. Kienet maqsuma fi tliet spazji bejn wieħed u ieħor tal-istess daqs. Madwar il-kappella hemm qisu gwarniċ fejn tintemm il-volta u jibda l-ħajt. Il-kappella attwali hija orjentata bejn wieħed u ieħor mil-Lvant għall-Punent, u kienet twila 21.5 metru (71 pied) u wiesgħa 8.5 metri (28 pied), bid-daħla prinċipali mill-Punent u oħra sekondarja fil-ħajt tat-Tramuntana. Meta l-kastell ġie mmudellat mill-ġdid fil-bidu tas-seklu 13, id-daħla ġiet ittrasferita lejn il-ħajt tan-Nofsinhar. Il-kappella kienet imdawla permezz ta' twieqi 'l fuq mill-gwarniċ, waħda fit-tarf tal-Punent u l-oħra fit-tarf tal-Lvant, u oħra fin-naħa tan-Nofsinhar tal-ispazju ċentrali, u l-apsida fil-Lvant ukoll kellha tieqa kbira. Fl-1935 ġiet skoperta t-tieni kappella 'l barra mid-daħla prinċipali tal-kastell, għalkemm din ma għadhiex teżisti iktar.
Sezzjoni esterna
[immodifika | immodifika s-sors]It-tieni fażi tax-xogħol ta' kostruzzjoni sar mill-Kavallieri Ospitalieri fil-bidu tas-seklu 13 u damet għal deċennji sħaħ. Il-ħitan esterni nbnew fl-aħħar xogħol kbir ta' kostruzzjoni tas-sit li wassal għad-dehra attwali ta' Krak des Chevaliers. Il-ħitan esterni, għoljin 9 metri (30 pied), kellhom torrijiet ipprojettati b'mod sod mill-ħitan. Filwaqt li t-torrijiet tal-ispazju intern kellhom pjanta kwadra u ma kinux ipprojettati lil hinn mill-ħajt, it-torrijiet tal-ħitan esterni tas-seklu 13 kellhom pjanta ttundjata. Dan id-disinn kien ġdid u saħansitra il-kastelli kontemporanji tat-Templari ma kellhomx torrijiet ittundjati. It-teknika ġiet żviluppata f'Château Gaillard fi Franza minn Rikkardu I tal-Ingilterra bejn l-1196 u l-1198. L-estensjoni lejn il-Lbiċ hija ta' kwalità inferjuri meta mqabbla mal-bqija tal-ħitan u mhuwiex ċert meta nbniet. X'aktarx għall-ħabta tas-snin 50 tas-seklu 13 inbniet daħla sekondarja fil-ħajt tat-Tramuntana.
L-amberżuni fil-ħitan u fit-torrijiet għat-tfigħ tal-vleġeġ bil-qwies kienu ddistribwiti b'tali mod li jiġi mminimizzat l-ammont ta' spazju vojt madwar il-kastell. Il-parti ta' fuq tal-ħitan kienet imżejna b'qishom pizzi msaqqfa, sabiex id-difensuri setgħu jissuttaw lill-għedewwa li jitfaċċaw taħt il-ħitan. Kienu stabbiliti f'xulxin b'tali mod li l-arċiera kellhom joqogħdu kokka biex jidħlu fihom. Dawn l-istrutturi ma kinux tas-soltu: dawk ta' Krak des Chevaliers kienu iktar kumplessi minn dawk ta' Saône jew ta' Margat u ma kien hemm l-ebda karatteristika komparabbli fost il-kastelli tal-ġellieda tal-Kruċjati. Madankollu, kien hemm similaritajiet ukoll mal-opri Musulmani, bħad-difiżi kontemporanji fiċ-Ċittadella ta' Aleppo. Mhuwiex ċar min imita lil min, peress li d-data meta żdiedu f'Krak des Chevaliers mhix magħrufa, iżda tipprovdi evidenza tad-diffużjoni tal-ideat militari bejn l-armati Musulmani u Kristjani. Dawn id-difiżi kienu aċċessati minn mogħdija bil-mixi mal-ħitan magħrufa bħala chemin de ronde. Fil-fehma tal-istoriku Hugh Kennedy, id-difiżi tal-ħitan estern kienu "l-iżjed elaborati u żviluppati fil-Lvant Latin... l-istruttura kollha għandha disinn brillanti u hija makkinarju tal-ġlied mill-aqwa".
Meta nbnew il-ħitan esterni fis-seklu 13, id-daħla prinċipali ssaħħet. Kuritur bil-volti kien jagħti 'l fuq mid-daħla esterna fil-Grigal. Il-kuritur kien jagħmel dawramejt lejn nofs tulu, u b'hekk huwa eżempju tajjeb ta' daħla mgħawġa. Id-daħliet mgħawġa kienu innovazzjoni Biżantina, iżda dik f'Krak des Chevaliers kienet eżempju partikolarment kumpless. Kienet estiża għal 137 metru (450 pied), u għat-tul tagħha kien hemm ħofor moħbijin li permezz tagħhom id-difensuri setgħu jaħsdu lill-attakkanti bil-missili. Kull min kien jibqa' sejjer dritt minflok idur mad-dawra mgħawġa kien jispiċċa fiż-żona bejn iż-żewġ ħitan tal-kastell. Sabiex wieħed seta' jaċċessa s-sezzjoni interni, il-passaġġ li wieħed kellu jgħaddi minnu kien ġej għat-tond.
Affreski
[immodifika | immodifika s-sors]Minkejja l-karattru tassew militari tiegħu, il-kastell huwa wieħed mill-ftit siti fejn ġiet ippreservata l-arti tal-ġellieda tal-Kruċjati (bħala affreski). Fl-1935, fl-1955 u fl-1978 ġew skoperti affreski Medjevali fi ħdan Krak des Chevaliers wara li l-ġibs u ż-żebgħa li tpoġġew wara kienu ttieklu. L-affreski kienu saru fin-naħa ta' ġewwa u ta' barra tal-kappella prinċipali u fil-kappella ta' barra d-daħla prinċipali, li ma għadhiex teżisti. Fl-1982, l-istoriku Jaroslav Folda nnota li dak iż-żmien ma tantx kienu ġew investigati sew l-affreski tal-ġellieda tal-Kruċjati, li mbagħad pprovdew paragun tal-fdalijiet frammentarji li kienu nstabu f'Krak des Chevaliers. Dawk fil-kappella kienu saru fuq ix-xogħol bil-ġebel tar-rikostruzzjoni tal-1170-1202. Il-moffa, in-nugrufun u l-indewwa għamluha diffiċli li l-affreski jiġu ppreservati. In-natura frammentarja tal-affreski bl-aħmar u bil-blu fi ħdan il-kappella tagħmilha diffiċli li jiġu vvalutati. L-affresk fuq in-naħa ta' barra tal-kappella kien jirrappreżenta l-Preżentazzjoni ta' Ġesù fit-Tempju.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Crac des Chevaliers and Qal’at Salah El-Din". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-30.
- ^ "Crac des Chevaliers and Qal'at Salah El-Din - Documents - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2019-11-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-11-27. Miġbur 2023-11-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Falk, Avner (2018). Franks and Saracens: Reality and Fantasy in the Crusades. Taylor & Francis. ISBN 978-0-429-91392-1. p. 1.
- ^ White, Richard (2014), "Krak des Chevaliers", in Watson, Noelle; Schellinger, Paul; Ring, Trudy (eds.), International Dictionary of Historic Places: Middle East and Africa, Taylor & Francis, ISBN 978-1-134-25986-1. p. 439.
- ^ Aslanov, Cyril (2012). "Crusaders' Old French". In Arteaga, Deborah L (ed.). Research on Old French: The State of the Art. Springer. ISBN 978-94-007-4768-5. p. 207.
- ^ Setton, Kenneth M.; Hazard, Harry W., eds. (1977), A History of the Crusades, Volume V: The Art And Architecture of the Crusader, Madison: University of Wisconsin Press, ISBN 978-0-299-06820-2, pp. 43, 152.
- ^ Tschen-Emmons, James B. (2016), Buildings and Landmarks of Medieval Europe, ABC-CLIO, ISBN 978-1-4408-4182-8, p. 149.
- ^ Setton, Kenneth M.; Hazard, Harry W., eds. (1977), A History of the Crusades, Volume V: The Art And Architecture of the Crusader, Madison: University of Wisconsin Press, ISBN 978-0-299-06820-2, p. 152.
- ^ Kennedy, Hugh (1994), Crusader Castles, Cambridge: Cambridge University Press, ISBN 978-0-521-42068-6, p. 15.