Abu al-Fida
Abu al-Fida | |||
---|---|---|---|
1300 - 1331 ← Al-Muzaffar Mahmud II (en) - Al-Afdal Muhammad (en) → | |||
Ħajja | |||
Isem propju | أبو الفداء | ||
Twelid | Damasku, 1273, Novembru 1273 | ||
Grupp etniku | Kurdi | ||
L-ewwel lingwa | Kurd | ||
Mewt | Hama, 27 Ottubru 1331 | ||
Familja | |||
Ulied |
uri
| ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi | Għarbi | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
ġeografu storiku astronomu astrologu politiku mexxej kittieb | ||
Xogħlijiet importanti |
Taqwim al-Buldan (en) al-Mukhtaṣar fī Akhbār al-bashar (en) |
Abu al-Fida (bl-Għarbi: أبو الفداء; Abū al-Fidāʾ; Latinizzat ukoll bħala Abulfeda, magħruf ukoll bħala Ismāʿīl b. ʿAlī b. Maḥmūd b. Muḥammad b. ʿUmar b. Shāhanshāh b. Ayyūb b. Shādī b. Marwān[1] (bl-Għarbi: إسماعيل بن علي بن محمود بن محمد بن عمر بن شاهنشاه بن أيوب بن شادي بن مروان), twieled f'Novembru 1273 u miet fis-27 ta' Ottubru 1331.[2] Huwa kien ġeografu u storiku Kurd tal-era tal-Mamluk[3], prinċep Ayyubid u gvernatur lokali ta' Hama, illum parti mis-Sirja.[4]
Il-krater Abulfeda fuq il-Qamar, issemma għalih.
Ħajja
[immodifika | immodifika s-sors]Abu al-Fida twieled f'Damask[5], fejn missieru Malik ul-Afdal, ħu l-Emir Al-Mansur Muhammad II ta' Hama, kien fittex il-kenn wara li ħarab mill-Mongoli. Abu al-Fida b'hekk kien in-neputi ta' Al-Muzaffar II Mahmud, li kien in-neputi ta' Al-Muzaffar Umar, neputi ta' Saladin u proneputi ta' Ayyub (għaldaqstant oriġinarjament ta' dixxendenza Kurda).[6][7]
Fi tfulitu huwa ddedika lilu nnifsu għall-istudju tal-Koran u tax-xjenzi, iżda minn meta għalaq għoxrin sena 'l quddiem, huwa kien involut kważi b'mod kostanti fi spedizzjonijiet militari, l-iktar kontra dawk li kienu qed iwettqu l-kruċjati.[8]
Fl-1285 huwa kien preżenti fl-assedju ta' fortizza tal-Kavallieri ta' San Ġwann u pparteċipa fl-assedji ta' Tripli, Acre u Qal'at ar-Rum. Fl-1298 huwa daħal fis-servizz tas-Sultan tal-Mamluk Malik al-Nasir u wara tnax-il sena ngħata r-riedni tal-governorat ta' Hama. Fl-1312 huwa sar prinċep bit-titlu ta' Malik us-Salhn, u fl-1320 irċieva t-titlu ereditarju ta' sultan Malik ul-Mu'ayyad.[8]
Huwa miet fl-1331.[8]
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Taqwim al-Buldan ("Skizz tal-Pajjiżi"), bħall-biċċa l-kbira tal-istorja, huwa bbażat fuq ix-xogħlijiet tal-predeċessuri ta' Abu al-Fida, fosthom ix-xogħlijiet ta' Tolomew u Muhammad al-Idrisi. Introduzzjoni twila dwar diversi kwistjonijiet ġeografiċi hija segwita minn tmienja u għoxrin taqsima, b'format ta' tabelli, dwar il-bliet u l-irħula ewlenin fid-dinja. Wara kull isem, jingħataw il-lonġitudni, il-latitudni, il-klima, l-ortografija, u mbagħad osservazzjonijiet ġeneralment meħuda minn kitbiet ta' awturi preċedenti. Partijiet minn dan ix-xogħol ġew ippubblikati u tradotti saħansitra diġà fl-1650 fl-Ewropa.[8] Fix-xogħlijiet tiegħu Abu al-Fida jsemmi korrettament il-latitudni u l-lonġitudni tal-belt ta' Quanzhou fiċ-Ċina.[9]
Il-ktieb fih ukoll l-ewwel spjegazzjoni magħrufa tal-paradoss taċ-ċirkumnavigazzjoni. Abu al-Fida kiteb li persuna li kienet twettaq ċirkumnavigazzjoni tad-dinja lejn il-Punent kienet tgħodd jum inqas minn osservatur stazzjonarju, ladarba tkun qed tivvjaġġa fl-istess direzzjoni bħall-moviment apparenti tax-xemx fis-sema. Persuna li kienet twettaq ċirkumnavigazzjoni tad-dinja lejn il-Lvant kienet tgħodd jum iktar minn osservatur stazzjonarju. Dan il-fenomenu ġie kkonfermat żewġ sekli wara, meta l-ispedizzjoni ta' Magellan-Elcano (1519-1522) ikkompletat l-ewwel ċirkumnavigazzjoni. Wara tbaħħar lejn il-Punent madwar id-dinja minn Spanja, l-ispedizzjoni għaddiet minn Cabo Verde għall-provvisti nhar l-Erbgħa, id-9 ta' Lulju 1522 (skont il-ħin abbord). Madankollu, in-nies lokali qalulhom li fil-fatt kien il-Ħamis, l-10 ta' Lulju 1522.[10]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-Istorja Konċiża tal-Umanità (bl-Għarbi: المختصر في أخبار البشر;Tarikh al-Mukhtasar fi Akhbar al-Bashar, jew Is-Sommarju tal-Istorja tar-Razza Umana, jew L-Istorja ta' Abu al-Fida; تاريخ أبى الفداء) tiegħu nkitbet bejn l-1315 u l-1329 bħala kontinwazzjoni ta' L-Istorja Kompluta ta' Ali ibn al-Athir (għall-ħabta tal-1231). Inkitbet bħala annali estiżi mill-ħolqien tad-dinja sal-1329.[11]
Hija maqsuma f'żewġ partijiet, waħda li tkopri l-istorja tal-Arabja pre-Iżlamika u l-oħra li tkopri l-istorja tal-Iżlam sal-1329. Inżammet aġġornata minn storiċi Għarab oħra, fosthom Ibn al-Wardi sal-1348, u Ibn al-Shihna sal-1403. Ġiet tradotta bil-Latin, bil-Franċiż u bl-Ingliż u kienet ix-xogħol ewlieni tal-istorjografija Musulmana li kienet tintuża mill-Orjentalisti tas-seklu 18, fosthom Jean Gagnier (1670-1740) u Johann Jakob Reiske (1754).[12]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Reza, Enayatollah; Negahban, Translated by Farzin (2015-10-16). Abū al-Fidāʾ (bl-Ingliż). Brill. Miġbur 2021-10-27.
- ^ Gibb, H. A. R. (1986). "Abu'l Fidā". The Encyclopaedia of Islam. Volume 1: A-B. Leiden: Brill. p. 119.
- ^ Field, Henry (1939). Field Museum of Natural History. 29. Field Museum of Natural History of Chicago. p. 79. ISBN 9785873406647.
- ^ Selin, Helaine (1997-07-31). Encyclopaedia of the History of Science, Technology, and Medicine in Non-Westen Cultures (bl-Ingliż). Springer Science & Business Media. pp. 7–8. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ Chambers Biographical Dictionary, ISBN 0-550-18022-2, p. 5.
- ^ The Kurds: A Concise Handbook, p. 45.
- ^ Jett, Stephen C. (2017). Ancient Ocean Crossings: Reconsidering the Case for Contacts with the Pre-Columbian Americas. University of Alabama Press. p. 30. ISBN 9780817319397.
- ^ a b ċ d Abulfeda. 1. Miġbur 2021-10-27.
- ^ The Travels of Ibn Batūta: With Notes, Illustrative of the History, p. 211.
- ^ Winfree, Arthur T. (2001). The Geometry of Biological Time (2nd ed.). New York: Springer Science & Business Media. p. 10. ISBN 978-1-4757-3484-3.
- ^ Helaine Selin, Encyclopaedia of the History of Science, Technology, and Medicine in Non-Westen Cultures (1997), p. 7.
- ^ Henricus Orthobius Fleischer, Abulfedae historia anteislamica, arabice: E duobus codicibus bibliothecae regiae Parisiensis, 101 et 615, F.C.W.Vogel (1831).