Brussell, 28 ta’ Lulju - Matul l-aħħar sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta deċiżjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim abbażi tal-Artikolu 65 tal-GDPR. Id-Deċiżjoni vinkolanti tfittex li tindirizza n-nuqqas ta’ kunsens dwar ċerti aspetti ta’ abbozz ta’ deċiżjoni maħruġ mill-SA Irlandiża (IE) bħala l-awtorità superviżorja ewlenija (LSA) rigward WhatsApp Ireland Ltd. (WhatsApp IE) u l-oġġezzjonijiet sussegwenti espressi minn għadd ta’ awtoritajiet superviżorji kkonċernati (CSAs).
L-LSA ħarġet l-abbozz ta’ deċiżjoni wara investigazzjoni ta’ inizjattiva proprja dwar WhatsApp IE, li tikkonċerna jekk WhatsApp IE kkonformatx mal-obbligi ta’ trasparenza tagħha skont l-Artikoli 12, 13 u 14 tal-GDPR. Fl-24 ta’ Diċembru 2020, l-LSA kkondividiet l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha mas-CSAs f’konformità mal-Artikolu 60 (3) tal-GDPR.
Is-CSAs ħarġu oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 60 (4) tal-GDPR li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-ksur identifikat tal-GDPR, jekk id-data speċifika inkwistjoni kellhiex titqies bħala data personali u l-konsegwenzi tagħha, u l-adegwatezza tal-miżuri korrettivi previsti.
L-IE SA ma setgħetx tilħaq kunsens, wara li kkunsidrat l-oġġezzjonijiet tas-CSAs, u konsegwentement indikat lill-Bord li ma kinitx se ssegwi l-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, l-IE SA rreferiethom lill-EDPB għad-determinazzjoni skont l-Artikolu 65 (1) (a) tal-GDPR, u b’hekk inbdiet il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Illum, l-EDPB adotta d-deċiżjoni vinkolanti tiegħu. Id-deċiżjoni tindirizza l-merti tal-oġġezzjonijiet li nstabu li huma “rilevanti u motivati” f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 (24) tal-GDPR. L-EDPB dalwaqt se jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu b’mod formali lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.
L-IE SA għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha indirizzata lill-kontrollur, abbażi tad-deċiżjoni tal-EDPB, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-EDPB ikun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-EDPB se jippubblika d-deċiżjoni tiegħu fuq is-sit web tiegħu mingħajr dewmien żejjed wara li l-IE SA tkun innotifikat id-deċiżjoni nazzjonali tagħha lill-kontrollur.
Nota lill-edituri:
Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura tal-Artikolu 65, jekk jogħġbok ikkonsulta l-FAQ